‘L-alkoħol u s-sigaretti huma agħar mill-eroina fuq it-tarbija’
Matul l-2015, 13-il mara li tieħu d-droga welldet tarbija
More in Socjali
Matul l-2015, 13-il mara li tieħu d-droga welldet tarbija
Medja ta’ 15-il tarbija fis-sena titwieled lil omm li tabbuża mill-eroina. Fil-fatt, matul is-sena li għaddiet, kien hemm 13-il każ b’kollox. Minkejja dan, mhux kull waħda minn dawn it-trabi tirrikjedi trattament differenti għal dak ta’ trabi oħra u infatti, dawn ikunu jistgħu jmorru d-dar ma’ ommijiethom wara ġimgħa li jkunu twieldu. Fl-2015, kienu tmienja dawk it-trabi ta’ twelid li kellhom bżonn jingħataw il-morfina bħala trattament sabiex tinqata’ d-dipendenza tagħhom fuq l-opjaċi li tkun ġiet mgħoddija tul it-tqala. It-trabi imbagħad, jiġu eżaminati b’mod regolari minn pedjatra speċjalizzata sabiex ikunu ċerti li t-tarbija tkun qed tiżviluppa b’mod tajjeb. Din is-sena, diġà twieldu ħamest itrabi lil dawn l-ommijiet waqt li ħames ommijiet oħra li jużaw id-droga, qegħdin jistennew tarbija.
Dan joħroġ minn intervista li għamlet l-ILLUM ma’ Dr. Anna Maria Vella, li hi tabiba fis-sezzjoni tad-Detox, li partikolarment ilha ssegwi n-nisa tqal għal dawn l-aħħar 21 sena.
Fil-fatt, Vella tistqarr li mill-esperjenza tagħha, li kieku kellha tikklassifika liem huma dawk is-sustanzi li l-iktar jagħmlu ħsara lit-tarbija waqt it-tqala, tpoġġi l-alkoħol fl-ewwel post. “Li tieħu l-alkoħol waqt it-tqala hu ħafna agħar mill-eroina, u d-dannu li ssir fuq it-tarbija huwa permanenti, bit-tarbija qatt ma tkun tista’ tilħaq il-potenzjal tagħha mentalment. U dan sempliċiment minħabba li l-omm tkun xorbot.”
Vella sostniet li s-sustanzi hekk meqjusa legali huma l-iktar li jagħmlu ħsara fuq it-tfal, waqt li tpoġġi s-sigaretti fit-tieni post. “Sigarett iddum tpejpu forsi ftit inqas minn ħames minuti, u f’dak il-ħin kollu, lit-tarbija tiegħek, mhux tagħtiha ossiġnu. Li tħalli tarbija li għadha qed tiżviluppa mingħajr ossiġnu, tħalli effetti kbar fuq il-moħħ, fin-nifs, fost ħafna effetti oħrajn.” It-tabiba kompliet tgħid kif fit-tielet post tal-aktar sustanzi li jagħmlu dannu, titfa’ l-pilloli li ħafna drabi jiġu abbużati bħall-kalmanti, jew l-anti-dipressivi, warajhom jiġu l-amfetamini, il-kokaina u fl-aħħar tiġi l-eroina. “Ħafna drabi nittimbraw lin-nisa li jieħdu l-eroina bħala nisa kattivi, u ngħidu kemm huma mill-agħar u x’qed jagħmlu lill-uliedhom, imma fil-verità, l-eroina hija l-inqas waħda tossika minn dawn is-sustanzi.”
‘Il-maternità ġġegħelhom jibdlu ħajjithom’
Anna Maria Vella titkellem dwar is-sens qawwi ta’ maternità li għandha fiha l-mara, u tant kemm dan l-aspett huwa qawwi, li jispiċċa jkun punt importanti sabiex mara li tkun qed tieħu d-droga, tiddeċiedi biex tibdel ħajjitha. “Tara ħafna nisa li qabel ikunu jiġru ’l hemm u ’l hawn, imma hekk kif isiru jafu li qed jistennew tarbija, jagħmlu l-almu tagħhom biex jippruvaw itejbu ħajjithom. Hawn min mhux mal-ewwel tqala jagħmel hekk, imma jibda jħoss dan il-bżonn mat-tieni, jew it-tielet tqala, u aħna nibqgħu nagħtu l-appoġġ tagħna” tispjega Vella.
Meta tarbija jkollha bżonn tingħata trattament sabiex ma tkunx dipendenti fuq id-droga, wara xi żmien tintbagħat f’wards bħal Disneyland, fejn hemm ikunu jistgħu joqogħdu mal-omm 24 siegħa kuljum. Vella tgħid li, “jkun hemm nisa li ma jimpurtahomx u jħallu t-tarbija hemm u jitilqu, imma l-maġġoranza assoluta tal-ommijiet lanqas biss jiċċaqalqu minn ħdejn uliedhom.”