KOKAINA: Destinazzjoni marċ tal-festa
Parti mill-15 Kg kokaina maqbudin f’Mercedes kienet se tinbiegħ matul il-festa t’Għajnsielem iċċelebrata l-ġimgħa li għaddiet
More in Socjali
Parti mill-15 Kg kokaina maqbudin f’Mercedes kienet se tinbiegħ matul il-festa t’Għajnsielem iċċelebrata l-ġimgħa li għaddiet
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM qalu li parti sostanzjali mill-15kg ta’ droga maqbudin fil-Mercedes tal-Għawdxi Joseph Rodney Grima, kienu destinati lejn il-famużi parties kbar li jiġu organizzati f’Għajnsielem matul din il-ġimgħa tal-festa. Grima nnifsu, iben il-kuntrattur Għawdxi magħruf bħala ‘l-Ġiegu’, huwa mill-istess lokalità.
Minkejja li l-ammont kbir maqbud ifisser li parti mill-kokaina kienet se tinbiegħ lit-traffikanti wkoll, is-sorsi tagħna spjegaw kif iż-żmien li fih kienet dieħla l-kokaina, “kien maħdum bizzilla biex jaqdi d-domanda li jkun hemm għal din id-droga rikreattiva u li qed issir popolari sew matul il-marċi.”
Filwaqt li aċċertawna li dan il-fenomenu mhux marbut ma’ Għajnsielem biss imma huwa realtà fil-festi kollha, is-sorsi tal-ILLUM qrib il-Korp sostnew li dik t’Għajnsielem hija l-aktar festa li fiha jkun ikkunsmat xorb u jsiru parties f’Għawdex, bil-konsegwenza li tiżdied id-domanda għall-kokaina.
Fil-fatt, l-ILLUM hija infurmata wkoll li wara l-qabda, din is-sena l-provvista tal-kokaina fil-marċ tal-Ġimgħa kienet iktar skarsa, hekk kif kien hemm prekawzjonijiet partikolari.
Joseph Rodney Grima ta’ 23 sena, ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €50,000 wara li kien akkużat li importa u kellu fil-pussess tiegħu 15kg kokaina.
L-Avukat Ġenerali mistenni jappella mid-deċiżjoni li ta l-Maġistrat Antonio Micallef Trigona
‘Mhux Għajnsielem biss, imma kważi kullimkien’
L-istess sorsi saħqu bosta drabi iżda li, “jekk irridu nkunu onesti, ikun ta’ xejn li nħarsu lejn dan il-każ f’iżolament, għax fil-fatt bħall-marċ ta’ Balzunetta, hemm ħafna iktar f’Malta.”
Dan jikkonfermah kliem l-Ispettur Dennis Theuma li jmexxi l-iskwadra kontra d-Droga f’kummenti li kien ta lil din il-gazzetta nhar il-Ħadd 9 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra. Dakinhar huwa kien qal hekk: ‘Illum il-ġurnata il-festa m’għadhiex marbuta mar-reliġjon, issa l-persuni li jmorru l-marċ tal-festa jkun moħħhom biex jixorbu, jieħdu pjaċir u f’xi każi jieħdu d-droga.’
L-Ispettur Theuma kien qal lil din il-gazzetta kif kienu bosta d-drabi li nstabu ‘pakketti ta’ kokaina u ecstasy f’każini fejn ikun għaddej xi party tal-festa.’