‘Jekk ikollna xitwa bħal tas-sena l-oħra, se jkollna diżastru’

Negozjanti ta’ ħwienet tal-ħwejjeġ żgħar fil-Ħamrun juru tħassib mal-ILLUM... xitwa oħra sħuna se tfisser ‘negozju brodu’

Bdiet il-Ħarifa u għadha sħana...tgħid se nilbsu kowt dis-sena?
Bdiet il-Ħarifa u għadha sħana...tgħid se nilbsu kowt dis-sena?

Għalkemm ix-xahar ta’ Ottubru daħal sew, it-temperaturi tista’ tgħid li prattikament baqgħu simili għal dawk Sajfin. Din mhix xi ħaġa ġdida hekk kif fl-aħħar snin, imma partikolarment fix-xitwa li għaddiet, it-temperaturi baqgħu stabbli, u ma kienx hemm kesħa partikolari, tipika ta’ dan l-istaġun. Konsegwentement, dan jirrifletti fuq il-gwardarobba u l-għażla ta’ ħwejjeġ tan-nies, għaliex f’temperaturi ta’ 20°C, ftit huma dawk li jiddeċiedu li joħorġu b’xi kowt jew flokkijiet sħan.

Għaldaqstant, il-gazzetta ILLUM marret il-Ħamrun u staqsiet diversi ħwienet kif temperaturi bħal dawk tax-xitwa li għaddiet jaffetwawlhom il-bejgħ, u iktar minn hekk, kif se jkun qed jaffetwalhom in-negozju tagħhom jekk it-temp jerġa’ jkun sħun.

...diżastru jkollna kieku

Is-sidien tal-ħwienet kollha li din il-gazzetta tkellmet magħhom kienu diżappuntati bl-andament tan-negozju tas-sena li għaddiet u qalu li jekk jerġa’ jkun hemm sitwazzjoni bħal tas-sena li għaddiet, ikollhom ‘diżastru’ u jmorru ‘brodu’. Fil-fatt, is-sid tal-ewwel ħanut li dħalna fih, kien inkwetat rigward is-sitwazzjoni u sostna li din tkun daqqa ta’ ħarta fuq in-negozju. “Kieku jkollna l-istess sitwazzjoni, l-istess tip ta’ Xitwa, jkollna brodu bħas-sena l-oħra. Nispiċċaw biex ikollna stokk antik, u ma jinbiegħx, jew inkella jkollna nbiegħuh bis-sale u mmorru minn taħt,” kompla jsostni s-sid. Minkejja dan, saħaq li wieħed xorta waħda jkollu jġib ċertu ammont ta’ ħwejjeġ sħan, “u jkollok iġġibu għax huwa żmienu.”

Is-sentiment ta’ inkwiet kien preżenti fost, prattikament, is-sidien tal-ħwienet kollha li tkellmet magħhom l-ILLUM. Bosta semmew kif pajjiż bħal Malta li dejjem ikollu temperaturi iktar sħan minn pajjiżi oħra, jaffaċċja l-problema li l-ħwejjeġ li jimpurtaw ikunu ferm iktar ħoxnin milli teħtieġ il-klima Maltija, u addattati għall-klimi iktar kesħin. Dan għaliex, kif spjegat tajjeb sid ta’ ħanut tal-ħwejjeġ tal-irġiel, “il-fornituri tal-ħwejjeġ tagħna jkollhom temperaturi ħafna iktar baxxi minn tagħna, u allura l-ħwejjeġ li jkollhom ikunu iktar adattati għall-kesħa.” Dan l-istess sentiment sostnieħ sid ieħor ta’ ħanut tal-ħwejjeġ tan-nisa, fejn qal li, “meta barra jkollhom il-kesħa, jħaxxnu l-materjal, u imbagħad aħna nibqgħu bil-ħwejjeġ ma’ wiċċna.”

...ftit xitwa ftit mezzo temp

Minħabba f’din il-bidla fit-temperatura li pajjiżna qed ikompli jesperjenza, diversi ħwienet stqarrew ma’ din il-gazzetta li l-prattiċi tax-xiri tal-ħwejjeġ tagħhom qed jinbidlu, u fil-fatt saru jimpurtaw ammonti iżgħar ta’ ħwejjeġ ħoxnin bħal kowtijiet u jimpurtawhom iktar tard fis-sena, ġeneralment mhux iktar kmieni minn Diċembru, dan minħabba li l-klijenti ma jibdewx jaħsbu biex jixtru materjali li jsaħħnu meta t-temperatura tkun għadha daqstant għolja. Ħaġa oħra li ssemmiet diversi drabi mis-sidien kienet li l-ammonti ta’ ħwejjeġ li saru jimpurtaw naqas sabiex, “ma jibqgħulniex ħafna ħwejjeġ ma’ wiċċna.” Isemma wkoll kif qed ikunu selettivi kemm jistgħu fil-materjali ta’ ħwejjeġ li qed jimpurtaw, u qed jiffukaw fuq ħwejjeġ b’materjal ħafif li jibqa’ jinxtara tul is-sena kollha.

Sid partikolari tal-ħwejjeġ tal-irġiel qal li minħabba f’hekk, l-abitudnijiet tax-xiri tagħhom kellu jinbidel, u dan mhux biss fix-xitwa, imma anke fis-sajf hekk kif spjega li matul is-sajf li għadda, waqt li kienu moda l-qomos b’komma twila, kellhom jerġgħu jordnaw qomos differenti eħfef u bi kmiem iqsar għaliex id-domanda għalihom baqgħet għolja, minkejja l-moda.

Finalment, punt importanti li tqajjem minn sid ta’ ħanut tal-ħwejjeġ tat-tfal kien li dan it-tibdil kollu huwa ċiklu u li jimpatta l-andament kollu tan-negozju u mhux biss tal-bejgħ ta’ dik il-ħabta. “Dażgur li dan kollu jħalli l-impatt tiegħu. Jeffetwana b’mod ħażin għax int tkun ippjanajt li f’dak l-istaġun se tagħmel tant flus, u imbagħad dan ma jkunx. Imbagħad tispiċċa bl-istokk ma’ wiċċek u jkollok tippakjah u tħallih hemm, jew inkella toqgħod bis-sales ix-xitwa kollha,” temmet tgħid sid il-ħanut.

More in Socjali