‘Iktibhieli fil-pitazz… imbagħad inħallsek wara’
L-ILLUM tinżel f'diversi irħula u bliet madwar Malta u tinvestiga r-realtà pjuttost mifruxa tal-'bejgħ bid-dejn' ... "niċċa" ġdida għal ħwienet maħnuqin bil-kompetizzjoni
minn Ruben Anthony Xuereb
Bħalissa f’Malta qed naraw ‘supermarkets’ enormi u ktajjen ta’ ħwienet tal-konvenjenza jfaqqsu kważi f’kull raħal. Dan għad-detriment tan-negozjanti ż-żgħar li qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-kompetizzjoni. Kif jgħid il-Malti stess, il-ħuta ż-żgħira qatt ma belgħet il-kbira u fil-fatt, il-ħafna ħut kbar qed jagħmlu ħsara kbira liż-żgħar.
Sabiex ilaħħqu mal-kompetizzjoni, il-ħwienet iż-żgħar saħansitra qegħdin jaslu biex joffru l-klijenti tagħhom il-possibbiltà li jixtru bid-dejn meta jkunu daqsxejn magħfusin bil-flus, imbagħad iħallsu x’ħin ikunu komdi.
L-ILLUM tkellmet ma’ numru ta’ ħwienet tal-merċa madwar Malta biex tara l-effetti li qed iħallu fuq in-negozju tagħhom is-supermarkets kbar kollha li qed jiftħu, u kemm minnhom irrikorrew għall-bejgħ bid-dejn sabiex joffru xi ħaġa differenti li s-supermarkets il-kbar qatt ma jistgħu joffru lill-klijenti dik l-atmosfera familjari u ta’ fiduċja.
Biex tbigħ bid-dejn hemm bżonn ħafna fiduċja…
Kważi s-sidien tal-ħwienet kollha li tkellmu ma’ din il-gazzetta stqarrew li f’ċerti sitwazzjonijiet u ma’ klijenti frekwenti li huma jafdaw, hija ħaġa pjuttost komuni li jsir bejgħ bid-dejn f’sitwazzjonijiet fejn il-klijent jew ma jkollux flus kontanti fuqu jew ikun forsi wasal l-aħħar tax-xahar u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-familja tkun daqsxejn stretta.
Sid ta’ ħanut f’Ħal Qormi qal li, “l-ħanut żgħir tiegħi ilu hawn snin u l-klijenti abitwali huma qishom familja, id-differenza bejn hawn u supermarket huwa li jien lil kulħadd b’ismu nilqa’ filgħodu. Min jidħol hawn, mhux numru.”
Ħafna negozjanti oħrajn kollha qablu li jekk ma jkunux jafu min hi l-persuna u saħansitra fejn din toqgħod, m’hemmx ċans li jħalluha tagħmel xirja bid-dejn, għax bħalma ġara lil ħafna minnhom meta fdaw iżżejjed, damu xhur ma jitħallsu, jew ġieli baqgħu b’xejn.
‘Magħna jiddejnu għax inkunu l-aħħar riżorsa’
Sid ta’ ħanut fil-Mosta, saħqet mal-ILLUM li filwaqt li kull qalb trid oħra, tħossha daqsxejn urtata meta tkun taf li ħafna minn dawk li jitolbuha biex jiddejnu fuq xirja, jagħmlu dan fl-aħħar tax-xahar meta jkunu xotti mill-flus kontanti u ma jkunux jistgħu jmorru jagħmlu xirja mis-supermarket. “Inħossa xi ftit,” qalet hi, “li naf li matul ix-xahar ikunu xtraw il-bżonnijiet iż-żgħar ta’ kuljum mingħandi biss, għax ix-xirja jkunu għamluha mis-supermarket, iżda mbgħad jitolbuni jixtru bid-dejn meta ma jkollhomx flus biex jerġgħu jmorru hemm.”
Jiġu hawn jidhru li għadhom ħerġin minn appuntament m’għand tax-xahar u d-dwiefer, imbagħad jitolbuni jiddejnu biex jixtru l-ikel għat-tfal
Sid ta’ ħanut f’Ħal Luqa saħaq li m’għadux joffri l-opportunità li l-klijenti jiddejnu miegħu għar-raġuni li ngidem fil-passat u ġieli jew ma tħallas qatt jew dam xhur sħaħ biex jieħu l-flus ta’ xirja. “Mhux sew hux, għas-supermarkets isibu l-flus, u għalina dejjem broke, jien dejn xejn u ħlas fil-pront.”
“Jien nafda biss lil min naf sew u naf li se jħallas,” saħqet negozjanta minn Birżebbuġa, li spjegat kif fil-passat ingidmet meta ħalliet nies partikolari jiddejnu magħha. Hija qalet li fir-raħal tagħha dawk li ddejnu u ma ħallsux, kien individwi kkunsidrati bħala każi soċjali. “Jiġu hawn jidhru li għadhom ħerġin minn appuntament m’għand tax-xahar u d-dwiefer, imbagħad jitolbuni jiddejnu biex jixtru l-ikel għat-tfal. Mhux sew hux, ikunu qed jabbużaw mill-qalb tajba tagħna.”
‘Għal ħafna nies, xirja mis-supermarket saret qisha ħarġa’
Meta mistoqsijin dwar x’jaħsbu li huma r-raġunijiet prinċipali li ħafna mill-klijenti, anke dawk frekwenti tagħhom, qed jagħżlu li jmorru aktar fis-supermarkets u inqas fil-ħwienet iż-żagħar tal-merċa, kważi n-negozjanti kollha taw l-istess risposti.
Huma kollha qablu li filwaqt li l-prezzijiet ta’ ħafna mill-prodotti tas-supermarkets u ħwienet tal-konvenjenza jkunu daqs tal-ħwienet iż-żgħar, ġieli ogħla u anke ftit irħas kultant, il-fattur prinċipali huwa l-għażla. In-nies ikunu miġbudin mill-għażla vasta li dawn is-supermarkets enormi joffru. “Jien nista’ nġib ditta jew tnejn differenti biss ta’ prodott,” stqarret mal-ILLUM sid ta’ ħanut żgħir fil-qalba ta’ raħal, “dawn is-supermarkets il-kbar qed jagħmew in-nies bit-tlellix u l-għażla varjata li aħna ma nifilħux noffru.”
Negozjant ieħor qal li għal ħafna, xirja mis-supermarket issa saret qisha ħarġa. “Għandhom il-kobor, u l-parkeġġ, u kif ilestu mix-xirja jmorru jieħdu kafè waqt li t-tfal joqogħdu jilagħabu f’xi żona tal-logħob iddedikata għalihom.”
Is-sidien tal-ħwienet kollha li tkellmu mal-ILLUM urew it-tħassib tagħhom għan-nuqqas ta’ bejgħ, speċjalment f’dawk l-irħula li fihom fetħet xi fergħa ta’ katina ta’ supermarkets, ħwienet tal-konvenjenza, jew it-tnejn li huma.
“Qed ikissrulna n-negozju u l-għixien tagħna, għax in-nies jimpressjonaw ruħhom bil-kobor u l-varjetà kbira ta’ prodotti li jsibu fihom,” temmet tgħid negozjanta li tinsab imħassba dwar il-futur tal-ħanut tagħha fil-qalba tar-raħal.
“Apparti l-kobor u l-għażla li joffru, għalihom in-nies huma biss numri, imma għalina huma klijenti importanti. Meta ma jkollhomx flus għal xirja mis-supermarket, hawn jiġu jitolbu lil Pawlu jiktibielhom fuq il-pitazz imbagħad iħallsuni…”
Il-futur tal-ħwienet iż-żgħar u l-ambjent ta’ fiduċja li joffru huwa f’idejn il-konsumaturi, li jekk se jibqgħu jwarrbu l-ħanut iż-żgħir għat-tlellix li joffru s-supermarkets li jarawhom biss bħala numri, għad jasal żmien fejn se jispiċċaw ikollhom jissikkaw iċ-ċintorin waħda u sew, għax sakemm tidħol dik il-paga, mis-supermarket xejn ma’ jixtri żgur.