'Il-fran għandom ikunu wirt storiku nazzjonali'

F'Ħal Qormi, ir-raħal tal-ifran... minn 50 forn, illum forsi fadal 10. L-istoriku Mario Coleiro jipproponi li jkunu protetti bil-liġi 

Il-fran tal-ħatab mhumiex protetti bħala wirt storiku u kulturali
Il-fran tal-ħatab mhumiex protetti bħala wirt storiku u kulturali

Casal Fornaro, Ħal Qormi; Sa minn żmien il-Kavallieri kien sinonimu mal-fran u l-ħami tal-ħobż. Tul is-snin, it-tradizzjoni tal-aħjar furnara fil-gżira ġiet mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra, minn missier għal uliedu u żammet ir-reputazzjoni ta’ Ħal Qormi sinonima mal-ħobż. Sa ftit tas-snin ilu, fir-raħal ta’ Ħal Qormi wieħed kien jista’ jsib aktar minn 50 forn; illum forsi fadal 10.

Numru ta’ furnara Qriema li tkellmu mal-ILLUM qalu li l-fran f’Ħal Qormi qegħdin jagħlqu wieħed wara l-ieħor b’rata mgħaġġla. “Dan ix-xahar stess naf bi tnejn li għalqu,” saħaq sid ta’ forn fiċ-ċentru tar-raħal li qal ukoll li jaħseb li llum bilkemm fadal għaxart ifran madwar Ħal Qormi.

Jidher iżda, li sfortunatament, patrimonju nazzjonali bħalma huma l-fran tal-ħatab tipiċi Maltin, mhumiex protetti bħala wirt storiku u kulturali. Minn dak li stqarru l-furnara ma’ illum.com.mt, meta jingħalaq forn, dan jew jinbidel f’xi kaffetterija jew ‘wine bar’, fejn il-forn innifsu jintuża biss bħala dekorazzjoni, jew agħar min hekk, il-bini jitwaqqa’ kompletament, inkluż il-forn li kien jinsab fih.

Infatti, l-istoriku tal-wirt kulturali u reliġjuż, Mario Coleiro esprima d-dispjaċir tiegħu li m’hawn ebda liġi li tissalvagwardja l-fran bħala wirt storiku nazzjonali. Huwa qal li l-fran l-antiki kollha għandom ikunu meqjusa bħala wirt storiku nazzjonali, għax bħalissa l-unika ħaġa li ssalvahom milli jitwaqqgħu hija biss jekk ikunu jinsabu fiċ-ċentru tar-raħal.

More in Socjali