Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix
Numru ta’ furnara tkellmu mal-ILLUM dwar kif il-fran f’Ħal Qormi qegħdin jagħlqu wieħed wara l-ieħor b’rata mgħaġġla, u t-tradizzjoni tal-ħobża Maltija qed tinqatel biż-żmien...
minn Ruben Anthony Xuereb
F’kamra msaħħna minn forn li kien ilu mixgħul jaħmi l-ħobż minn sbieħ il-jum, u qalb riħa ta’ ħobż tal-Malti taqsamlek qalbek, l-ewwel furnar li tkellem ma’ illum.com.mt stqarr li għalih, bħala furnar li għadu jżomm mat-tradizzjoni, l-affarijiet mhux sejrin tajjeb ħafna minħabba ħafna fatturi differenti li bil-mod il-mod, qegħdin joqtlu t-tradizzjoni tal-ħobża Maltija, u għaldaqstant ix-xogħol tal-furnar. Ġorġ spjega kif il-proċess biex issir il-ħobża tradizzjonali Maltija jieħu ħafna ħin u preparazzjoni. Spjega kif ħobża trid tkun imsajra fil-forn tal-ħatab biex tieħu t-togħma u l-konsistenza tagħha. “Fid-dinja mgħaġġla tal-lum, kulħadd irid il-ħobż frisk u mqatta’ lest 24 siegħa kuljum, iż-żmien li jiġu n-nies kmieni filgħodu jixtru l-ħobża mingħand tal-forn dalwaqt jispiċċa kompletament,” stqarr Ġorg li żied jgħid li s-supermarkets il-kbar li hawn illum, permezz tal-fran tal-elettriku, jaħmu ħobż f’qasir żmien li jkun disponibbli tul il-ġurnata kollha. “Qatt ma jibda mat-togħma tal-ħobża Maltija, iżda llum, in-nies ifittxu dejjem is-soluzzjoni mgħaġġla” tenna Ġorg.
Kollox iwitti t-triq għall-fran elettriċi, filwaqt li dawk tradizzjonali joħorġu mix-xena
Illum qed ngħixu f’dinja li mhux biss hija mgħaġġla, iżda li ħafna tradizzjonijiet antiki qed jiġu meqjusa li m’għadhomx f’posthom għaż-żminijiet tagħna. “L-injam, il-ħajja ta’ kull forn tradizzjonali sar aktar diffiċli biex jinkiseb illum,” saħaq furnar li ilu f’dan ix-xogħol sa mis-snin sebgħin. Huwa qal li llum qed jiġu imposti ħafna restrizzjonijiet sanitarji u ekoloġiċi fuqhom li dejjem jagħmlu l-affarijiet aktar diffiċli. L-ispejjeż li jkollhom jagħmlu l-furnara wara kull żjara mill-uffiċjali tas-sanità, inkluż żieda fl-użu ta’ ‘stainless steel’, restrizzjonijiet fuq il-ħruq tal-injam u restrizzjonijiet fuq iċ-ċmieni, mhux qed iħallu n-negozju tagħhom jibqa’ sostenibbli. Kollox iwitti t-triq għal-aktar użu ta’ fran elettriċi, li l-użu tagħhom ibiddel kompletament il-ħobża tal-Malti. Minbarra l-kwalità tal-ħobża nnifisha, il-furnara ż-żgħar, li saħqu ma’ din il-gazzetta li m’għandhom ebda tip ta’ sussidju, jispiċċaw ma jlaħħqux mal-ispejjeż tad-dawl għall-fran tagħhom. Minħabba dan, ikollhom jgħollu l-prezz, iżda jekk jagħmlu dan ma jikkompetux mal-prezzijiet tal-ħwienet il-kbar, u hekk tibda t-triq biex forn ikollu jagħlaq.
Għas-saħħa u l-enerġija… tiekolx il-ħobża Maltija
Jidher li fil-ġurnata tal-lum, aktar ma n-nies isiru aktar konxji tal-figura tagħhom, il-ħobż in ġenerali, speċjalment il-ħobża tradizzjonali Maltija, isir l-għadu prinċipali ta’ ħajja b’saħħitha u sana. illum.com.mt tkellmet ma’ tfajla li taħdem fil-forn ta’ missierha, li qalet li t-tendenzi tan-nies li huma konxji mis-saħħa u l-figura huma li l-ewwel tip ta’ ikel li jaqtgħu huwa l-ħobż. Infatti hija nnotat li bħala età, ftit għadek issib nies żgħar li jieklu ħobż regolarment. “Biex ikollna aktar varjazzjoni, issa qed nagħmlu wkoll, ftajjar, panini, ciabatti u bziezen,” saħqet din il-furnara żagħżugħa, “b’hekk almenu noffru aktar lill-klijent. Anke l-fatt li nbigħu ħobża tal-Malti mqatta’ lesta, jiġbed aktar nies” temmet tgħid.
Il-fran għandhom futur biss jekk jiddiversifikaw
Minbarra numru ta’ fran tradizzjonali li għadhom marbutin mal-ħami u bejgħ tal-ħobż tradizzjonali biss, li sfortunatament għalihom l-affarijiet mhux sejrin tajjeb ħafna, illum.com.mt żaret ukoll xi fran li qed ibiddlu l-viżjoni tagħhom dwar kif jitmexxa l-forn. Fiċ-ċentru tar-raħal żorna forn li sidu għaraf il-vantaġġi tad-diversifikazzjoni. Sid dan il-forn, stqarr ma' dan is-sit li huwa wiret il-forn mingħand missieru, iżda fehem li fid-dinja tal-lum ma setax ikampa kieku baqa’ biss furnar tradizzjonali. “Il-forn tradizzjonali u l-ħami tal-ħobza Maltija ma rrid nitilfu qatt,” saħaq dal-furnar, “iżda ridt insib mod biex nimxi pass mal-ħajja moderna.” Infatti, dan il-forn għad għandu l-forn tal-ħatab tradizzjonali fuq in-naħa ta’ wara tal-ħanut li permezz tiegħu, il-post xorta jilqgħek bir-riħa ta’ ħobż tal-Malti frisk, iżda n-naħa ta’ quddiem tal-ħanut toffri lill-klijenti varjetà ta prodotti oħrajn żgħar tal-merċa, ikel u xorb li jservu ta’ inċentiv biex dak li jkun imur sal-‘old bakery’ u minbarra ħobża tal-Malti sħuna, jixtri wkoll il-bżonnijiet żgħar oħra ta’ kuljum. “Il-ħobża Maltija tibqa’ poplari u mfittxija, iżda jekk ma tiddiversifikax ma tkampax illum.”
Diversifikazzjoni oħra li ltqajna magħha waqt id-dawra mal-fran ta’ Ħal Qormi, u li tidher li qed tkun ta’ suċċess għal uħud, hija l-introduzzjoni tat-tisjir tal-pizza. Għax ejja nammettuha; pizza itjeb minn waħda msajra f’forn tal-ħatab, ma ssibx. Sid il-forn li fl-antik kien jismu ‘Prince Bakery’, spjega lil dan is-sit li l-forn ilu għaddej sa mis-snin sittin, iżda f’dawn l-aħħar snin, in-negozju batta minħabba l-kompetizzjoni mis-supermarkets u n-nuqqas ta’ nies jieklu ħobż kuljum. “Iżda bil-pizza għamilna suċċess kbir, għax ma jieqfux jiġu n-nies,” stqarr il-furnar anzjan, waqt li kebbes il-forn b’aktar injam, “almenu hekk assigurajna futur għall-forn tal-familja, issa nisperaw li t-tfal iżommuh.”