‘Ma nħossx li għandi nħallas biex nixgħel ir-radju fil-ħanut’
Sid ta’ negozju jilmenta dwar taxxa li ftit jafu biha: tħallas biex tixgħel ir-radju fil-ħanut
More in Socjali
Sid ta’ negozju jilmenta dwar taxxa li ftit jafu biha: tħallas biex tixgħel ir-radju fil-ħanut
Mike Peplow, sid ta’ negozju f’Buġibba, għamel kuntatt ma’ dan is-sit u pprotesta kontra l-fatt li matul din il-ġimgħa, irċieva ittra li qed titolbu biex iħallas bejn €180 u €200. Għaliex? Talli jixgħel ir-radju u jdoqq id-diski waqt li jkun qiegħed jaqta’, jagħmel jew jaħsel xagħar il-klijenti tiegħu. “L-ewwel nett, dan salon u salon mhux qiegħed hemm biex joffri d-divertiment, imma servizz. It-tieni jien la nitħallas u wisq inqas inżomm il-flus lill-klijenti tiegħi għax indoqqilhom il-mużika jew għax nixgħelilhom ir-radju.”
Mal-ILLUM, Peplow saħaq li ma jaħsibx li din il-liċenzja għandha tiġi applikata llum il-ġurnata, meta t-teknoloġija kibret u nfirxet daqstant. “Illum il-ġurnata, minn fuq sempliċi mobile tkun fejn tkun f’kull rokna ta’ Malta u tad-dinja, tista’ tiftaħ l-internet u tisma’ u tara li trid, fejn trid, u meta trid. Il-lista tal-apps tal-mużika fuq l-internet u fuq mowbajls ma tispiċċa qatt, tista’ turi li trid u ssemma’ li trid kullimkien. Għalhekk din il-liċenzja ma tagħmilx sens fil-ġranet tal-lum. Dari forsi kienet tagħmel sens meta inti kont tixtri diska, cassette jew cd għall-użu personali tieghek, imma llum il-gurnata, le.”
Peplow qed jirreferi għal liġi li ilha teżisti f’pajjiżna, li ftit li xejn hemm min jaf biha u li tesiġi li għandu jsir ħlas meta persuna tuża l-mużika fi stabbiliment fejn tkun qed tindaqq il-mużika, anke jekk il-mużika tkun ġejja minn fuq stazzjon tar-radju. Il-liġi tal-Copyright ta’ Malta fil-fatt tgħid li meta produzzjoni tkun ‘riprodotta direttament jew indirettament għal fini ta’ xandir jew għal komunikazzjoni lill-pubbliku, għandu jingħata ħlas lill-artisti (performers) u lill-produtturi, liema flus jitqassmu ugwalment bejniethom.” Il-liġi tgħid li dawn il-flus għandhom jinġabru minn soċjetà apposta.
Fil-każ ta’ Malta, Peplow u apparentament numru ta’ sidien ta’ negozji tax-xagħar bħalissa, qed jintbagħtulhom ittra mingħand ‘PRS for Music’ li fuq is-sit tagħha tgħid li hi s-soċjetà mqabbda biex tiġbor dawn il-flus f’Malta u li tirrapreżenta 118,000 kompożitur, awtur u publikatur.
L-ammont li sid ta’ ħanut jeħtieġ iħallas, ivarja skont id-daqs tal-ħanut u kemm jimpjega nies. Peplow jiddeskrivi dan bħala “banali għall-aħħar.”
“Mela s-salon huwa xi dancefloor u l-ħaddiema huma djs?” jistaqsi Peplow mal-ILLUM filwaqt li jistaqsi li jagħmel sens li jħallas mal-€200, “kieku nagħmel riklam tas-salon u fih nuża diska partikolari. Imma meta radju jdoqq diska ta’ kantant jew kantanta, dawn ikunu diġà taw permess lill-istazzjon biex tindaqq id-diska tagħhom u biex din tinstema’ mal-erbat irjieħ tad-dinja u b’hekk tikseb suċċess. Ma naħsibx li jien għandi nħallas għax in-nies qed jisimgħu d-diska tagħhom, meta l-missjoni u l-għan prinċipali tagħhom hija appuntu biex in-nies jisimgħu l-istess diska tal-istess kantant jew kantanta.”
Intant, Peplow tant qed iħoss li din hija xi ħaġa redikola u li ma tagħmilx sens li informa lil din il-gazzetta li se jkun qed jibgħat elenku tar-raġunijiet għalfejn iħoss li dan il-ħlas, fil-ġurnata tal-lum, huwa skadut lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.
L-ILLUM hija nfurmata li dan il-ħlas, li ftit li xejn probabbilment kien hemm min sema’ bih qabel jekk mhux xi ħadd f’negozju, ivarja u għal ħafna ħwienet ta’ daqs żgħir ma jaqbiżx l-€40 fis-sena.