Inkapaċi li taħdem 40 siegħa…imma tajba għal 60

Diżorganizzazzjoni dipartimentali għall-benefiċċju tal-ftit

Stramba imma vera! Għal ħames snin sħaħ assistenta soċjali li kienet taħdem fid-Dipartiment tal-Kura tal-Anzjani kienet iddikjarata, b’ċertifikat tat-tabib, li ma tistax taħdem aktar minn 35 siegħa fil-ġimgħa, minħabba raġunijiet ta’ saħħa u ta’ età. Issa jirriżulta li fil-fatt, fl-istess ħin, l-istess impjegata tal-Gvern kellha impjieg ieħor, mal-Gvern ukoll, li fih kienet qiegħda taħdem 25 siegħa fil-ġimgħa oħra.

Dan ifisser li minkejja ċ-ċertifikati tat-tabib li ma tistax taħdem 40 siegħa fil-ġimgħa, fil-verità din kienet qed taħdem 60. U dak mhux kollox! Il-paga li kienet qed tieħu mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni kien qed jitniżżel kollu bħala allowance, bil-konsegwenza li fuqu ma kinitx qed titħallas bolla. Imma biex verament kollox ikun ħarir, l-istess impjegata, imħallsa mit-taxxi tal-poplu, kienet qed tirċievi bonuses miż-żewġ postijiet tax-xogħol, biex fl-2015 biss ingħatat €200 iktar f’bonuses tal-Gvern, milli suppost. €712 minflok il-€512 li jirċievi kulħadd.

Dan il-każ kien żvelat fir-Rapport tal-Awditur fil-parti li trattat il-ħlasijiet u l-pagi f’dan id-Dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali. L-Awditur mhux biss tefa’ dawl fuq dan il-każ, flimkien ma’ każi oħrajn f’dan id-Dipartiment, talli propona li jekk jinstab li l-ħaddiema in kwistjoni kienet qed tingħata xi flus żejda dawn għandhom ikunu mogħtija lura.

Fir-rapport, jingħad li l-Awditur saħansitra lanqas biss sab meta din il-persuna kienet bdiet taħdem mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, b’25 siegħa fil-ġimgħa, u kien biss wara riċerka mad-dipartimenti konċernati li kien żvelat kif din kienet ilha impjegata mal-Ministeru tal-Edukazzjoni mill-2008.

More in Socjali