‘Il-kastig tiegħu...u qed inbatuh aħna’
Omm ta’ priġunier fil-ħabs tistqarr li jkun iktar ta’ ġid jekk lil binha jżidulu l-piena l-ħabs, milli jagħtuh multa sostanzjali minbarra snin li jrid iqatta’ l-ħabs, għax dan ikun ifisser li jispiċċaw iħallsuha l-familjari tiegħu...
minn Veronica Lynn Mizzi
Omm ta’ priġunier fil-ħabs ta’ Kordin, b’għafsa ta’ qalb tistqarr li jkun iktar ta’ ġid li lil binha jżidulu ż-żmien tas-sentenza li qed jiskonta l-ħabs, milli jagħtuh multa sostanzjali minbarra snin li jrid iqatta’ l-ħabs, għax dan ikun ifisser li jispiċċaw ibatu huma minfloku. “Ħudlu l-libertà, iva. Imma dawn il-flus kollha?” iżżid issostni l-omm li binha ġie ordnat li jħallas multa ta’ €30,000 minbarra l-ħmistax-il sena priġunerija, għar-reat li għamel.
“Jekk żbalja hu, kif inbati jien ukoll? Il-kastig mhux hekk. Il-kastig li ħadtlu l-libertàm u dik naqbel magħha, għax inkella se jibqa’ jirrepeti l-iżball. Aħjar qallu 15-il sena mill-ewwel minflok 14 u €30,000 multa,” sostniet l-omm. Din imbagħad żiedet tgħid li binha spiċċa biex il-multa ma weħilhiex hu, iżda huma għaliex qed jispiċċaw ikollhom ibatuhom huma biex iħallsuhom. B’referenza għall-Qorti tgħid kif “lilu ma waħħlu xejn tletin elf. Lilna waħħalhom, għax aħna rridu nħallsuhomlu.”
‘Aħjar iżidulu l-piena milli jġegħluh iħallas, għax aħna nbatuhom’
Din mhux l-unika sitwazzjoni ta’ dan it-tip, hekk kif qraba u familji ta’ persuni li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs esprimew id-diżappunt tagħhom għas-sistema kif taħdem fil-preżent fejn għandhom x’jaqsmu multi u spejjeż legali. Huma ilmentaw li din tgħabbihom bi pressjoni finanzjarja kbira. Fil-fatt, fir-rapport ‘Locked Out’, maħruġ mill-għaqda ‘Mid-Dlam għad-Dawl’, li janalizza l-problemi u l-effetti li l-ħabs iħalli fuq il-familji ta’ dawk li jkunu qed jiskontaw sentenza, diversi nisa, ġenituri, aħwa u tfal jitkellmu dwar il-problemi li jaffaċjaw minħabba li qarib tagħhom jinsab fil-ħabs.
Kellhom ibigħu l-proprjetà tagħhom biex iħallsulhom id-djun
Fir-rapport, jitkellmu wkoll diversi gwardjani u voluntiera li jaħdmu fil-ħabs, li jitkellmu dwar ir-rabta mill-qrib li għandha sentenza ta’ ħabs mal-faqar. Gwardjan tal-ħabs partikolari qal kif l-akbar problemi li jaffaċjaw il-familji tal-priġunieri huma dawk finanzjarji. “Ħafna ħabsin hawn jgħidulek kif il-ġenituri tagħhom kellhom ibigħu l-proprjetà tagħhom biex iħallsulhom id-djun, il-multi tal-Qorti u biex iħallsulhom għall-avukati.” Fil-fatt, din il-problema tkompli tiġi aċċentwata meta l-priġuniera jingħataw multi u jkollhom bosta spejjeż tal-Qorti li jeħtieġ li jħallsu, flimkien ma’ sentenza ta’ priġunerija għar-reat li jkunu wettqu.
Wara li fil-ħarġa tal-ġimgħa li għaddiet, il-gazzetta ILLUM irrappurtat il-problemi ta’ ġudizzju li saħansitra tfal ta’ tliet snin jesperjenzaw minħabba li familjari tagħhom qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs, ir-rapport joħroġ fid-deher għadd ta’ problemi oħra, fosthom dawk soċjali u anke finanzjarji li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn in-nies.
Ir-rapport ‘Locked Out’, ikompli jippreżenta sitwazzjonijiet ta’ persuni li qed ibatu minħabba s-sistema, u minħabba l-iżbalji ta’ dawn il-qraba tagħhom. Omm partikolari li żewġa jinsab il-ħabs titkellem dwar id-diffikultà tagħha sabiex tlaħħaq mal-ispejjeż u tgħajjex lil familtha bil-paga li għandha. Fil-fatt, issostni kif minkejja li taħdem full-time, “naqbad €800 fix-xahar u jaqtugħuli minnhom. Bihom irridu ngħaddu tlieta, u dan minbarra l-multi tal-Qorti...”
Kont ta’ €900
L-istess problema jaffaċċjaw żewġ pensjonanti li binhom jinsab il-ħabs. Ir-raġel jinsisti kemm hija diffiċli sabiex mill-pensjoni tiegħu, jkun jista’ jgħin lill-ibnu finanzjarjament, u waqt li jgħid li dawk li għamlu reat, “għandhom jieħdu dak li ħaqqhom, u mhux qed nippretendi li jiftħulhom il-bieb tal-ħabs,” ma jaqbilx li tingħata wkoll multa ma’ sentenza ta’ snin il-ħabs. “Jien ma naqbilx li meta jeħlu piena, per eżempju, jeħlu wkoll dik il-multa kollha ta’ flus. Dawn minn fejn tridhom jitallsu? Għax aħna qed nispiċċaw inħallsulu l-multa...issa ara ġiena kont ta’ €900.”
Din il-problema hi rikorrenti speċjalment fejn jidħlu persuni li qed jaħdmu u jitħallsu bil-paga minima jew inkella anzjani li jridu jgħaddu bil-pensjoni, kif tgħid anzjana partikolari li tisħaq li, “kemm nistgħu nifilħu, ntuh aħna min-naqra pensjoni li għandna. Anzi, nagħmel ħafna sagrifiċċji. Ma sserviniex il-pensjoni u dejjem indur fuq it-tifla biex tagħtini xi ħaġa.”
Ir-rapport jelenka lista ta’ elementi li jgħaqqdu flimkien lil dawn il-persuni, minbarra l-fatt li persuna qribhom tinsab il-ħabs. Fil-fatt, element partikolari li jgħaqqadhom lil dawn il-persuni huwa d-dħul partikolarment baxx li għandhom dawn il-familji, bil-maġġoranza tagħhom ikunu single mothers u pensjonanti. Ir-rapport jgħid kif huwa ta’ tħassib il-fatt li l-maġġoranza tagħhom huma qegħda jew jinsabu fuq il-benefiċċji soċjali, u dawk minnhom li jaħdmu, għandhom impjiegi bi dħul baxx, u minn hemm iridu jsostnu u jħallsu għall-ispejjeż, partikolarment legali tal-persuna li tinsab il-ħabs. Għaldaqstant, ir-rapport jirrimarka li din hija sitwazzjoni fejn tispiċċa tiġi ‘kkastigata’ l-familja kollha minflok il-persuna li tkun għamlet ir-reat biss, u għalhekk jistieden lis-sistema ġudizzjarja sabiex issir riforma minn kastig, għal riabilitazzjoni. Ir-rapport iżid jistaqsi dwar il-‘multi eżorbitanti’ li huma imposti fuq dawk li jiksru l-liġi, u jgħid kif “huwa evidenti li dawn il-multi jservu sabiex jiġu penalizzati ċertu familji u jkomplu jżidu ir-riskju ta’ faqar li jinsabu fih dawn il-familji, jew ikompli jagħmel għall-agħar sitwazzjoni li diġà hija prekarja.”