Emma Muscat tinsab pass ieħor viċin il-finali tal-programm popolari Amici ta' Maria De Filippi.
Ilbieraħ Emma rċeviet kummenti mill-isbaħ mill-artisti mistiedna fil-programm, fosthom Sophia Loren.
Kemm Loren u anke l-kantanti Taljani li ta' kull ġimgħa jkunu preżenti fil-programm, baqgħu mistgħaġba meta Emma kantat mal-kantanta popolari Annalisa.
Ilbieraħ ukoll il-produzzjoni ppreparat sorpriża għal Emma meta wara ġimgħat sħaħ ma tarax lill-familja tagħha, Maria De Filippi stiednet lil omm Emma li kienet preżenti fis-sala.
Lejn tmiem il-puntata, Emma kellha tagħmel sfida diretta kontra l-kantant Einar mit-tim tal-blu. Ħadd minnhom ma nqala' għax kemm Emma u anke Einar ġabu erba' voti kull wieħed mingħand l-għalliema.
Dan ifisser li Emma, li lbieraħ ma tilfitx sfida waħda, tinsab pass 'il bogħod mill-finali.