Żgħażagħ Maltin taħt l-età fost l-aktar li jagħmlu s-sess bla protezzjoni
Studju internazzjonali, fost aktar minn 40 pajjiż, wera kif iż-żgħażagħ Maltin li għadhom 15-il sena huma fost l-aktar li diġà kellhom x’jaqsmu sesswalment iżda huma fost l-inqas li jużaw il-kontraċettivi
minn Yendrick Cioffi
Żgħażagħ Maltin li għadhom taħt l-età huma fost l-aktar adolexxenti li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ta’ età żgħira u jidher ukoll li huma fost l-aktar li jirriskjaw meta jiġu biex jagħmlu s-sess.
Dan jirriżulta mill-Health Behaviour In School-Aged Children, studju internazzjonali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa fost żgħażagħ li għandhom 11, 13 u 15-il sena u li ġejjin minn 42 pajjiż Ewropew u mill-Amerika ta’ Fuq. Fost dawn iż-żgħażagħ, 2,265 huma Maltin.
Fost ħafna affarijiet oħra, l-istudju staqsa liż-żgħażagħ li għandhom 15-il sena, jekk kinux involuti f’attività sesswali ma’ persuni oħra. Iż-żgħażagħ Maltin ġew fit-13-il post fost 40 pajjiż, b’25% tas-subien u 19% tal-bniet iwieġbu li ta’ din l-età diġà kellhom x’jaqsmu sesswalment.
Fil-fatt, iż-żgħażagħ Maltin ta’ 15-il sena x’aktarx li se jagħmlu s-sess qabel żgħażagħ Franċiżi, Awstrijaċi, Rumeni, Spanjoli, Ġermaniżi u Taljani, biex inkunu semmejna pajjiżi li ġeneralment inħobbu nqabblu ruħna magħhom.
Iżda, forsi l-aktar ħaġa importanti li ħarġet minn dan l-istudju, huwa l-fatt li ż-żgħażagħ Maltin taħt l-età huma fost l-aktar li jirriskjaw meta jiġu għas-sess.
Mistoqsija jekk użawx condom l-aħħar darba li għamlu s-sess, irriżulta li ż-żgħażagħ Maltin huma t-tieni l-aktar li jirriskjaw, biż-żgħażagħ Pollakki biss jirriskjaw aktar mill-Maltin. 41% biss tas-subien u 41% tal-bniet Maltin wieġbu li użaw condom.
L-istess meta mistoqsija jekk użawx il-pillola kontraċettiva 16% biss tat-tfajliet wieġbu iva.
Għal min diġà huwa lest li jipponta subgħajh u jgħid li dawn huma tfal li ġejjin minn ċertu strata soċjali, dan l-istħarriġ iqabbel id-diversi fatturi studjati, ma’ dik magħrufa bħala ‘family affluence’ jiġifieri kemm għandha riżorsi l-familja.
Mill-istħarriġ irriżulta li l-prelevanza li żgħażagħ taħt l-età jkollhom x’jaqsmu sesswalment x’aktarx se tiżdied aktar ma l-familja tkun tista’. Fejn jidħlu s-subien din ir-relazzjoni kienet aktar qawwija. Fil-każ ta’ Malta, il-prelevanza tonqos drastikament fost il-bniet, jiġifieri aktar ma l-familja tkun sinjura, inqas hemm ċans li tfajla se tagħmel is-sess meta għadha taħt l-età.
Dak li sab dan ir-rapport huwa interressanti wkoll fid-dawl ta’ dak li kienet irrappurtat il-gazzetta ILLUM meta rapport tal-Kummissjoni Ewropea sab li Malta għandha l-ogħla rata ta’ inċidenza tal-marda trażmessa sesswalment, is-Syphilis, mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Is-Syphilis tittieħed u tinxtered pjuttost malajr permezz ta’ attività sesswali, li tinkludi sess orali u anali. Xi kultant din il-marda tista’ tittieħed permezz ta’ bews fit-tul ukoll.
F’intervista mal-istess gazzetta, it-Tabiba Valeska Padovese, mill-GU Clinic kienet qalet li n-numru tal-Maltin infettati bis-Syphilis qiegħed dejjem jiżdied.
Dan l-istess studju jagħti ħarsa lejn diversi fatturi oħra, apparti s-sess, fosthom l-alkoħol fejn għal darb’oħra ż-żgħażagħ Maltin ta’ 15-il sena, kemm is-subien u anke l-bniet, spiċċaw fuq nett tal-lista. Għall-mistoqsija jekk jixorbux l-alkoħol minn tal-inqas darba fil-ġimgħa, 32% tas-subien u 26% tal-bniet wieġbu fil-pożittiv.
Interressanti li bejn il-11-il sena u l-15-il sena hemm qabża kbira mhux ħażin. Filwaqt li l-adolexxenti ta’ 11-il sena ġew fost l-inqas fil-lista, dawk ta’ 13-il sena spiċċaw fis-16-il post fost 41 pajjiż biex dawk ta’ sentejn akbar sparaw fuq nett tal-lista.
Iż-żgħażagħ Maltin ta’ 15-il sena, żammew posthom fuq nett tal-lista meta mistoqsija jixorbux spirti u alcopops (xarba b’togħma u bi ftit alkoħol) darba fil-ġimgħa. Jinżlu post wieħed meta mistoqsija jixorbux inbid u jinżlu fil-ħames post fejn tidħol il-birra.
Vera li jħobbu jixorbu, imma jiskru? 9% tas-subien u 9% tal-bniet Maltin li għandhom 15-il sena qalu li sikru għall-ewwel darba meta kellhom 13-il sena. Għalkemm ir-rata mhux l-ogħla, hija s-17-il waħda fost 41 pajjiż.
Mistoqsija jekk sikrux f’żewġ okkażjonijiet jew aktar, iż-żgħażagħ Maltin ta’ 11-il sena ġew fost l-inqas, biex imbagħad sa 15-il sena jsibu ruħhom fost l-ewwel 15-il pajjiż.
Iżda, dawn mhux l-uniku fatturi li fihom spikkaw iż-żgħażagħ Maltin. Hawn taħt għandek issib sejbiet oħra interressanti:
Iż-żgħażagħ Maltin l-aktar jew fost l-aktar li...
- Obeżità: Bla dubju! Iż-żgħażagħ Maltin ta’ 11, 13 u 15-il sena huma l-aktar obeżi... IMMA... dawk li għandhom 13 u 15-il sena huma fost l-inqas żgħażagħ li jaħsbu li huma ‘ħoxnin iżżejjed.’
- Soft drinks: Iż-żgħażagħ Maltin ta’ 11 u 15-il sena huma l-aktar li jixorbu luminata kuljum. Iż-żgħażagħ ta’ 13-il sena huma t-tielet l-inqas.
- L-iskola: Iż-żgħażagħ Maltin ta’ 11 u 15-il sena huma fost l-aktar li jħobbu l-iskola (iżda dawk ta’ 13 fost l-inqas).
- Xogħol tal-iskola: Iż-żgħażagħ Maltin huma l-aktar żgħażagħ li jħossu li għandhom pressjoni bix-xogħol tal-iskola
- Dwejjaq: Iż-żgħażagħ Maltin huwa fost l-aktar li jħossuhom imdejqa aktar minn darba fil-ġimgħa. Iż-żgħażagħ Maltin ta’ 15-il sena huma l-ħames l-aktar li jħossuhom ‘low’
- Uġigħ fl-istonku: Iż-żgħażagħ Maltin ta’ 15-il sena huma l-aktar li rrappurtaw li jħossu wġigħ fl-istonku minn tal-inqas darba fil-ġimgħa. Dawk ta’ 11 u 13-il sena wkoll huma fost l-aktar
- Nervi: Warrbilhom! Iż-żgħażagħ Maltin huma fost l-aktar nervużi. Dawk ta’ 11-il sena ġew fis-sitt post tal-lista u dawk ta’ 15-il sena huma l-ħames l-aktar nervużi fost 42 pajjiż
- Uġigħ ta’ ras: Iż-żgħażagħ Maltin ta’ 15-il sena huma l-aktar li jbatu mill-uġigħ ta’ ras aktar minn darba fil-ġimgħa. Dawk li għandhom 11 u 13-il sena huma fost iż-żgħażagħ mill-ewwel għaxar pajjiżi
- Cyberbullying bl-istampi: Ta’ 15-il sena s-seba’ l-aktar li jispiċċaw vittmi. Ta’ 11-il sena fost l-inqas.
- Cyberbullying b’sms: Iż-żgħażagħ Maltin ta’ 13 u 15-il sena fost l-aktar li jispiċċaw vittmi ta’ cyberbullying b’sms
- Ġlied: Attent! Iż-żgħażagħ Maltin fost l-aktar li lesti jidħlu għal ġlieda.
- Tipjip: Għalkemm 1% biss, iż-żgħażagħ ta’ 11-il sena huma fost l-aktar li jpejpu kuljum. Dawk ta’ 13 u 15-il sena fost l-inqas.
- Logħob: Iż-żgħażagħ Maltin ta’ 15-il sena huma l-aktar li jqattgħu ħin jilagħbu fuq kompjuter jew ‘games console’. Ta’ 11 u 13-il sena fost l-aktar.
- Kuntentizza: Ta’ 11-il sena huma kuntenti b’ħajjithom iżda dawk ta’ 13 u 15-il sena huma taħt il-medja
Iż-żgħażagħ Maltin l-inqas jew fost l-inqas li...
- Is-saħħa: Iż-żgħażagħ Maltin huma konxji! Fost l-inqas li jaħsbu li huma b’saħħithom.
- Ħasil ta’ snin: Il-Maltin ta’ 11 u 13-il sena huma l-inqas żgħażagħ li jaħslu sninhom kuljum. Ta’ 15-il sena t-tieni l-inqas.
- Tipjip tat-tabakk: Fost l-inqas fl-etajiet kollha
- Bullies: Iż-żgħażagħ Maltin, ta’ kull età huma fost l-inqas żgħażagħ li xi darba jew oħra se jibbuljaw lil xi ħadd fl-iskola. Dawk ta’ 15 għandhom ċans aktar jibbuljaw.
- Vittmi tal-bullying: Iż-żgħażagħ Maltin ta’ 15-il sena fost l-inqas żgħażagħ bir-riskju li jispiċċaw vittmi tal-bullying. Ir-rata ta’ dawk ta’ 11 u ta’ 13-il sena hija viċin il-medja tal-pajjiżi l-oħra.
- Kolazzjon: Il-Maltin fost l-inqas li jieħdu kolazzjon kuljum. Ta’ 11-il sena jieħdu inqas minn dawk ta’ 15.
- Ħelu: Minkejja l-obeżità, iż-żgħażagħ ta’ 13 u 15-il sena huma fost l-inqas li jieħdu ħelu kuljum.
- Ħaxix: Il-Maltin ta’ 11-il sena huma t-tielet l-inqas żgħażagħ li jieklu ħaxix kuljum. Ta’ 13-il sena r-rata tibqa’ baxxa u togħla ftit ta’ 15-il sena biex taqbeż il-medja.
- Attività fiżika: Iż-żgħażagħ Maltin ta’ 15 u 13-il sena huma fost l-inqas li jagħmlu attività fiżika kuljum. Ir-rata tal-eżerċizzju fost dawk li għandhom 11-il sena tikkumpara sew ma’ dik tal-pajjiżi l-oħra. Mill-banda l-oħra, fejn tidħol id-dieta ma marrux daqshekk ħażin, partikolarment it-tfajliet
- Televixin: Iż-żgħażagħ Maltin fost l-inqas li jaraw aktar minn sagħtejn televixin kuljum.
- Kommunikazzjoni mal-ġenituri: Ta’ 11, 13 u 15-il sena huma fost l-inqas żgħażagħ li jħossuha faċli li jitkellmu mal-missier. Għalkemm xorta mhux mal-ogħla, mal-omm iħossuhom aktar komdi.