L-iżviluppaturi tal-Università Amerikana f'Bormla se jiġu mitluba jippreżentaw applikazzjoni separata dwar il-bini tad-dormitorju ġdid fi Triq San Pawl f'Bormla.
Żvelat dan il-gazzetta oħt MaltaToday illi f'rapport ippublikat illum qalet li id-Direttorat tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar qiegħed jirrakkomanda li d-deċiżjoni dwar id-dormitorju tal-AUM tiġi posposta għal sitt xhur oħra. Minn naħa l-oħra, hu mifhum li d-Direttorat qed jirrakomanda lill-PA sabiex tagħti l-barka għall-bqija tal-iżvilupp tal-campus.
F'intervista mal-ILLUM ix-xahar illi għadda, Bedingfield kien sostna li għandu riżervi dwar il-proġett tad-dormitorju minħabba l-fatt li se jkun qed jsir bini flokk l-unika spazju miftuħ f'Bormla. Fl-istess waqt huwa kien qal li dan l-iżvilupp se jkompli jżid il-problema kbira ta' parkeġġ li teżisti fiż-żona.
Mal-ILLUM Bedingfield kien ippropona wkoll li dan l-iżvilupp isir fil-Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara u l-Palazz tal-Kaptan tal-Galjuni fix-xatt tal-Birgu. Din il-gazzetta kienet żvelat ukoll li, s-sidien tal-Fortizza tas-Salvatur jinsabu lesti jinnegozjaw mal-Gvern dwar esproprijazzjoni tal-Fortizza tas-Salvatur.
Intant ilbieraħ fi stqarrija l-għaqda ambjentali Flimkien Għal Ambjent Aħjar qalet lit insab fi qbil totali mal-proposta tad-Deputat Laburista Glenn Bedingfield, li qed jipproponi post alternattiv għad-dormitorju tal-Università Amerikana f'Bormla.