Awtorità tal-Ippjanar: Infurzar b’passi ta’ fekruna u mhux b’mod ugwali

Spiss nisimgħu dwar nuqqas ta’ infurzar minn numru ta’ awtoritajiet f’Malta, iżda fil-każ tal-Awtorità tal-Ippjanar, jidher li l-azzjonijiet ta’ infurzar jittieħdu għalkemm b’pass ta’ fekruna u f’ċertu każijiet jidher li jkunu aktar mgħaġġla minn każijiet oħra. Din il-gazzetta pruvat tistaqsi aktar dwar żviluppi f’żewġ każijiet ta’ infurzar li kellha l-Awtorità iżda l-Awtorità baqgħet siekta 

L-Awtorità tal-Ippjanar rażżnet l-attività kummerċjali li kienet qed issir fil-bajja tal-Fajtata f’Wied il-Għajn, fejn numru ta’ siġġijiet u mwejjed kienu qed jokkupaw bankina f’żona ta’ parkeġġ.  

Dan wara li l-gabbana tal-ikel fiċ-ċentru ta’ dan kollu, il-Fajtata Kiosk, kienet qed tirċievi multa ta’ €10 kuljum mill-Awtorità tal-Ippjanar b’rabta mal-imwejjed u s-siġġijiet li kienu fuq bankina viċin il-gabbana, u pjattaforma tal-injam li kienet tpoġġiet bejn il-gabbana u l-bankina. Wara numru ta’ jiem fejn is-sidien tal-gabbana kienu qed jiġu mmultati kuljum, l-Awtorità marret fuq il-post u ssiġillat il-gabbana.  

Issa, din il-gabbana tneħħiet minn fuq il-post flimkien mal-imwejjed u s-siġġijiet u minflokha, hemm vann tal-ikel li jieħu inqas spazju. 

Minkejja din it-tneħħija, l-Awtorità tal-Ippjanar tidher li għad trid tieħu azzjoni f’bosta postijiet oħraa fl-istess lokalità hekk kif b’differenza mill-każ tal-Fajtata Kiosk, numru ta’ ristoranti qed jokkupaw spazji minn bankini tul ix-xatt ta’ Wied il-Għajn.  

Fosthom hemm ir-ristorant Taninu fejn minkejja li s-sidien tar-ristorant kien jaf li l-imwejjed tiegħu qiegħdin hemm b’mod illegali, illum il-ġurnata xorta waħda għadu jaqdi l-klijenti tiegħu fuq dawn l-imwejjed. Fl-2022 dan ir-ristorant kellu struttura illegali fuq parti kbira mill-bankina ta’ quddiemu fejn illum il-ġurnata għad hemm l-imwejjed u s-siġġijiet, iżda minkejja li din tneħħiet, l-imwejjed u s-siġġijiet baqgħu hemm.  

Dan l-aġir minn negozji lokali mhux endemiku għal Wied il-Għajn, hekk kif f’numru  kbir ta’ lokalitajiet, l-Awtorità tal-Ippjanar jidher li ma ħaditx l-istess passi li ħadet mal-Fajtata Kiosk. Fost l-oħrajn, ftit passi l-bogħod minn Wied il-Għajn f’Marsaxlokk, il-bankina li tmiss mal-baħar hija waħda fejn numru kbir ta’ ristoranti viċin jarmaw l-imwejjed u s-siġġijiet, fejn il-maġġoranza tagħhom jagħmlu dan mingħajr permess. Dwar dan, resident ta’ Marsaxlokk kien tkellem ma’ din il-gazzetta fuq is-sitwazzjoni tedjanti li wieħed ikollu joqgħod għal dawn l-affarjiet hekk kif l-awtoritajiet ma jieħdux passi.  

Huwa saħansitra kien qal li meta tkellem ma’ numru ta’ awtoritajiet, dawn irrikonoxxew li m’hemm ebda permess għal din it-tip ta’ attività, iżda qalulu li “m’huma jdejjqu lil ħadd.” 

Intant din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ Maraskala Residents Network (MRN) u sostniet li hija kontra kull forma ta’ teħid ta’ art pubblika mill-privat, iktar u iktar meta dan isir mingħajr permess. “Huma ħafna l-istabbilimenti f’Marsaskala li kkapparraw art pubblika mingħajr permess u hemm min saħansitra sfida lill-awtoriajiet meta dan twaqqaf milli jagħmel dan.” MRN tkellem dwar stabbilimenti li qed jiksru l-liġijiet u linji gwida (Policy, Guidance and Standards for Outdoor Catering Areas on Public Open Space, 2016) fejn kellu informazzjoni, anke wara li ġie nfurmat minn residenti dwar dan. 

L-MRN qalet li sfortunatament huwa evidenti li hemm ħafna stabbilimenti li qed jiksru l-linji gwida iżda d-diffikultà li għandhom ir-residenti biex jiksbu informazzjoni mill-awtoritajiet dwar x’permessi għandhom l-istabbilimenti, huma ħfna dawk li qed jagħmlu li jridu. “Minbarra mwejjed u siġġijiet li lanqs iħallu passaġġ u aċċess diċenti, f’Marsaskala faqqsu wkoll numru ta’ tined li jmorru kontra l-linji gwida.” Qalu wkoll illi fejn tidħol Governanza jidher li l-awtoritajiet mhux jagħmlu biżżejjed “għax linji gwidi hemm, il-permessi għandhom aċċess għalihom iżda wħud min-negozjanti qed jibqgħu jagħmlu li jridu. Huwa ovvju li fejn jidħol infurzar, is-sistema mhux taħdem.”  

L-ILLUM tirrimarka illi fil-każ tal-Kiosk tal-Fajtata, għalkemm instabet li kienet hemm b’mod illegali mill-Awtorità xorta għandha numur ta’ klijenti leali li jibqgħu jagħtu s-sostenn. “Dan lilna jurina li hawn bżonn ta’ iktar edukazzjoni fost il-komunita’ dwar l-importanza li l-art pubblika għandha titgawda mill-pubbliku kollu, u mhux tiġi maħtufa, esplojtata u gawduta mill-ftit. Barra minn hekk din turi l-bżonn ta’ iktar edukazzjoni ċivika dwar id-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini, u li ħadd ma għandu dritt jaqbad biċċa art pubblika u jikkapparraha. Forsi wkoll huwa effett ta’ problema ikbar, fejn il-poplu qed jidra jara abbużi fuq skala ikbar fil-pajjiż, u kultant jasal biex jgħid ‘Għamel hekk dak, ma nagħmilx hekk jien!’. Din hija sitwazzjoni perikoluża għax twassal għal sitwazzjoni laissez faire fejn kulħadd jibda jagħmel li jrid.”  

L-awtorità ma twiġibx 

Intant, l-ILLUM bagħtet mistoqsijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar dwar każ ta’ infurzar riċenti ieħor, din id-darba b’rabta ma’ strutturi illegali li kienu nbnew biswit il-Klabb tal-Boċċi tal-Pietà. L-illegalità hija marbuta ma tħaffir u estensjoni bla permess viċin il-fortifikazzjoni li tinsab viċin, liema fortifikazzjoni hija protetta bil-liġi għall-valur storiku tagħha. Fl-2017, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet ħarġet avviż ta’ infurzar kontra l-klabb tal-boċċi minħabba t-tħaffir, il-bini ta’ struttura, u saħansitra anke r-rimi ta’ materjal ta’ bini f’dan is-sit protett.  

Erba’ snin wara, l-Awtorità reġgħet ħarġet avviż ta’ infurzar kontra aktar tħaffir fiż-żona protetta u l-bini ta’ kamra ġdida, flimkien ma’ estensjoni ta’ ħitan li diġà kienu hemm, u aktar rimi ta’ skart. Maż-żmien, L-Awtorità ddeċidiet li tieħu l-passi meħtieġa, iżda wara li din l-azzjoni bdiet f’Mejju, is-sid waqqafha permezz ta’ żewġ mandati ta’ inibizzjoni imressqin mis-sid kontra l-Awtorità, li riedu jinstemgħu fil-Qorti. Hekk kif dawn ġew annullati mill-Qorti, ix-xogħolijiet setgħu ikomplu.  

Fil-11 ta’ Lulju ta’ din is-sena, l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien ma’ membri tal-Korp tal-Pulizija kienu fuq is-sit tal-illegalitajiet fejn kompla l-proċess ta’ tneħħija tal-istrutturi. Minkejja dan, ix-xogħol ta’ twaqqigħ ma damx għaddej ħafna, minħabba mandat ta’ inibizzjoni ieħor mis-sidien li ntlaqa’ mill-Imħallef Anna Felice. L-Awtorità ma bagħtet ebda tweġiba dwar żviluppi ġodda f’dan il-każ. 

More in Socjali