Għaqdiet jilqgħu l-bidliet fl-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati

Fi Frar, Solidarjetà, Moviment Graffitti u Malta Tenant Support, esprimew tħassib serju dwar diversi emendi f’dan l-abbozz ta’ liġi li jaħdmu kontra l-kerrejja

Għaqdiet soċjali jinsabu sodisfatti li ħafna mill-punti li qajmu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati issa ġew indirizzati wara qbil fil-Kumitat Parlamentari bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Fi Frar, l-għaqdiet kienu esprimew tħassib serju dwar diversi emendi f’dan l-abbozz ta’ liġi li jaħdmu kontra l-kerrejja. Dawn kienu se jaggravaw sitwazzjoni li diġà hi mill-agħar għall-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà. Pereżempju, minbarra l-prekarjetà li teżisti sforz il-kuntratti għal żmien qasir, dawk li jikru kien se jkollhom jibqgħu fl-istess post għall-perjodu kollu tal-kuntratt, u għalhekk jitilfu l-opportunità li jsibu proprjetajiet aħjar jew jaħarbu minn sidien abbużivi.

Solidarjetà, Moviment Graffitti u Malta Tenant Support – bl-appoġġ ta’ diversi għaqdiet li jaħdmu fil-qasam soċjali – kienu ppreżentaw kontroproposti għall-abbozz ta’ liġi. Il-maġġoranza ta’ dawn il-kontroproposti ġew aċċettati mill-Gvern u l-Oppożizzjoni, fosthom it-tneħħija tal-klawsola drakonjana li kienet tneħħi kull flessibbiltà biex min jikri jsib akkomodazzjoni alternattiva matul l-aħħar sitt xhur ta’ kuntratt ta’ sena.

L-abbozz ta’ liġi emendat xorta se jintroduċi standards li huma meħtieġa ħafna fi ħdan is-settur, bl-għan li jitrażżan l-iffullar, miżura li l-organizzazzjonijiet qegħdin jilqgħu. Is-sidien issa mhux se jkunu jistgħu jikru kamra tas-sodda lil iktar minn żewġ persuni.

L-għaqdiet irringrazzjaw lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, kif ukoll lill-membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari, talli semgħu t-tħassib tagħhom u sabu mod kif ma jippenalizzawx lil min hu l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

L-organizzazzjonijiet qalu li jinsabu ħerqana aktar diskussjonijiet immirati lejn it-titjib tal-qafas legali attwali sabiex ikollna mudell ta' kiri aktar stabbli, regolat u ġust.

More in Socjali