Il-bibbja u r-reliġjon jinbidlu fi spettaklu fiċ-ċinema (It-tieni parti)

Fis-snin tletin Hollywood kien qed ifittex mezzi ġodda kif jikkombina r-reliġjon mas-sentiment u anki spettaklu f’films

Fis-snin tletin Hollywood kien qed ifittex mezzi ġodda kif jikkombina r-reliġjon mas-sentiment u anki spettaklu f’films bħal The Cradle Song (1933), Dante’s Inferno (1935), The Garden of Allah (1936), The Green Light (1937) u Boys Town (1938). Naturalment, it-Tieni Gwerra Dinjija ġabet qawwa ġdida reliġjuża u figuri reliġjużi saru popolari ġo films bħal The Song of Bernardette (1943), Going my Way (1944) u s-sequel The Bells of Saint Mary (1945), The Keys of the Kingdom (1944) u oħrajn. Il-Ġenna kienet użata bħala sfond dwar x’jiġri wara l-mewt f’kummiedji sempliċi u ġenwini fi produzzjonijiet bħal A Matter of Life and Death (U.S. Stairway To Heaven) (1946), Here Comes Mr. Jordan (1941), Heaven Can Wait (1943) u The Horn Blows at Midnight (1945). 

Wara l-gwerra, issa bit-tensjoni nieqsa fuq il-maġġoranza, il-poplu beda jabbanduna r-reliġjon. Joan Of Arc (1948), li qam ħafna flus, falla. Attentat ieħor biex Alla jerġa’ jsib postu saru f’xogħlijiet bħal The Next Voice you Hear (1950) li wkoll ma rnexxiex u l-parteċipazzjoni sinċiera ta’ Robert Donat f’Lease of Life (1954) ma tatx riżultati tajbin. L-uniċi żewġ films li għall-inqas ġabu flushom lura, b’appell dirett għall-Kattoliċi kienu Monsieur Vincent (1947) u The Miracle of Fatima (1952) (li kellu suċċess imdaqqas u fenominali hawn Malta). Kien għalhekk li bdew jinħadmu films spettakulari bid-diċerija tal-konnessjonijiet li diġà semmejt qabel, biex iħeġġu l-poplu jirrikorri. 

Lejn l-aħħar tas-snin ħamsin saru attentati mhux spissi biex inħadmu xi films b’temi reliġjużi, fosthom A Man Called Peter (1955), The Nun’s Story (1959), The Inn of the Sixth Happiness  

(1958) u Whistle Down the Wind (1961). Id-direttur Otto Preminger ma rax suċċess b’Saint Joan (1957) u reġa’ pprova fl-1963 b’The Cardinal. 

Il-film The Greatest Story Ever Told (1965) dwar il-ħajja ta’ Ġesù, għalkemm spettakolari b’xi waqtiet (speċjalment fil-qawmien mill-mewt ta’ Lażżru), kien serju u solenni wisq u ma tantx mar tajjeb. Mill-banda l-oħra, mill-Italja ħareġ Il Vangelo Secondo Matteo (The Gospel According to St Matthew) (1964) tad-Direttur Marxist Pier Paolo Pasolini, maħdum bla kulur u bla xinxilli, b’atturi kważi dilettanti, però sinċier u poetiku fl-istess ħin, b’atmosfera meraviljuża, tant imfaħħar mill-kritiċi, li f’xi kwartieri mar aħjar minn The Greatest Story Ever Told. Film ieħor li ma ntlaqax kif mixtieq hu The Shoes Of The Fisherman (1969), bl-attur Anthony Quinn, dwar l-elezzjoni ta’ Papa ġdid. 

Fis-snin sebgħin, il-films epiċi u reliġjużi ħadu xejra differenti u biex jindirizza l-gosti taż-żgħażagħ inbidlu f’pop-operas bħal Godspell (1973) u r-rock opera Jesus Christ Superstar li għamel suċċess kbir anki fuq il-palk. Fl-1977, Sir Lew Grade kkommissjona lil Franco Zeffirelli jidderieġi Jesus of Nazareth għat-TV b’tul ta’ kważi seba’ sigħat u f’xi postijiet (fosthom hawn Malta) ħareġ għaċ-ċinema maqsum f’żewġ partijiet. Xi ħaġa sabiħa hi li dan rawh miljuni ta’ nies, għamel suċċess anki fuq il-liżar il-kbir, li jindika li fuq kollox, il-poplu inġenerali jrid jemmen f’xi ħaġa. 

Id-Direttur Martin Scorsese fl-1988 iffilmja The Last Temptation of Christ tal-awtur Grieg Nikos Kazantzakis, xogħol li qajjem kontroversji u kien miżmum f’xi postijiet. Dan il-film mhux ta’ xeħta epika kien jiffoka fuq id-dubji li jħoss Ġesù qabel ma kellu jissallab u kien fih ħolma twila x’kien iseħħ kieku Ġesù ma mietx fuq is-salib. 

Kien Mel Gibson li fis-sena 2004 ħadem The Passion of the Christ, mitkellem bl-Aramajk, dwar il-passjoni ħarxa u brutali li jgħaddi minnha l-Imgħallem Divin. Dan kien film qawwi ħafna li jdaħħlek f’qoxortok tant li wieħed kritiku laqqmu “Horror in Jerusalem”. Ħlief hawn Malta, kellu ċertifikat għall-kbar biss. Tassew inkredibbli li fl-Amerika, meta kien għadu jinħadem, il-biljetti bdew jinbiegħu minn qabel u b’hekk għamel suċċess kbir. 

Serje sabiħa ta’ films dwar il-Bibbja għat-TV, li tkopri kemm it-Testment l-Antik u dak Ġdid hija dik prodotta minn RAI Uno u Lube Productions fis-snin disgħin u dawk tal-bidu tal-millenju. Mill-Ħolqien tad-Dinja sad-dehriet tal-Apokalissi nħadmu sbatax-il film, mhux addattati għat-tfal, ħafna minnhom b’atturi popolari fil-films ta’ Hollywood. Ħadd m’għandu jitlifha.

More in Divertiment