Għaliex it-tbatija, Mulej?

Marilyn Bellizzi titkellem dwar kemm hi diffiċli biex tirkupra mit-tbatija

Bħala persuna li kont iffissata fuq il-futbol u anke kont nipprattikah b’mod professjonali, ma stajtx naċċetta l-fatt li sa minn żmien tant kmieni f’żogħżiti, kelli nieqaf nipprattikah wara li kont weġġajt waqt logħba.

Ħassejt id-dinja taqa’ fuqi. Ma stajtx nifhem kif u għaliex, u jkolli nistqarr, li f’dak iż-żmien irribellajt mhux ftit. Ma stajtx nifhem kif Alla l-ewwel jagħtik talent imbagħad jeħodulek hekk, kiesaħ u biered. Bdejt nara l-ħajja dalma quddiemi u l-pożittività li kelli, inbidlet f’rabja.

Għaddew is-snin biex din il-ġerħa bdiet tagħlaq u nibda naċċetta r-realtà kif inhi. Għamluli l-ewwel operazzjoni u ftit rajt riżultat. Għalhekk, f’Awwissu li għadda, kelli nerġa’ noqgħod għall-istess intervent mediku. Għal darb’oħra reġa’ kien hemm xi komplikazzjonijiet li ħallewni b’sieqi instabbli, uġigħ kontinwu u nuqqas ta’ flessibbiltà. Skont it-tobba u anke l-physios, mhux normali li wieħed ma jirkuprax wara operazzjoni bħal din!

Tbikkimt mhux biss għax għal darb’oħra ma rajtx riżultat, imma għax din id-darba ġejt agħar milli kont qabel ma għamilt l-operazzjoni. Fejn kont qed nobsor li se nipprova nagħmel għall-aħjar u spiċċajt swieli agħar!

Il-ġerħa li kienet bdiet tagħlaq snin ilu, reġgħet bdiet tinfetaħ. Patafjun ta’ mistoqsijiet li la ħallew lil moħħi jsib is-serħan u wisq aktar lil qalbi. “Fejn int Mulej? Għaliex?”, bdejt nistaqsi b’rabja. Bdejt nipprova nsib faraġ fil-vers li tgħallimt bl-amment żmien ilu: “Aħna nafu li Alla, ma' dawk li jħobbuh, ma' dawk li huma msejħin skond il-providenza tiegħu, f'kollox jaħdem id f'id għall-ġid tagħhom,” (Rumani 8:28), imma emminni, kont nistaqsi lili nnifsi x’ġid jista’ joħroġ minn dan kollu!

B’dispjaċir ikolli nistqarr li kien hemm mumenti fejn ħadtha kontra Alla, ma ridx nisma’ aktar u anke xtaqt li x-xemx tal-għada ma narahiex. Ħassejt li dak it-toqol t’uġigħ kontinwu li ma jħallikx tiffoka, ma stajtx niflaħ għalih. Ir-rutina ta’ ħajti nqalbet ta’ taħt fuq. Bdejt inħossni miexja lura... sakemm wasalt f’dak il-punt li sibt lili nnifsi magħluqa f’rokna u ma kellix għażla oħra ħlief li nieqaf. Hemmhekk bdejt nirrifletti...

Affaċċjata bl-uġigħ u skumdità enormi, ġejt wiċċ imb’wiċċ mal-qilla tal-infern. Għedt bejni u bejn ruħi; “Jekk dan l-uġigħ, qed inħoss li ma nistax niflaħ għalih, kemm aktar u aktar hu kbir l-uġigħ kontinwu għall-eternità fl-infern? Min jista’ jiflaħ għalih?” Inħsadt b’dan il-ħsieb u minnufih dort lejn Alla u tlabtu maħfra talli ħadtha kontrih mal-ewwel ċans li ġieni.

Meta bdejt nirrealizza li kont qed niffokka wisq fuqi nnifsi biex infiq, bdejt niftakar f’kemm-il darba tlabt lill-Mulej biex ibattalni aktar minni nnifsi u jimlini aktar bih. Bdejt nagħraf li forsi f’dak il-mument, Alla beda jagħtini din l-opportunità biex b’mod reali f’ħajti, nipprova ninsa lili nnifsi.

F’dan iż-żmien ta’ riflessjoni, il-Mulej beda jpoġġili fi triqti diversi persuni li għallmuni bla ma lissnu ebda kelma. Rajt persuna fil-‘wheelchair’, żewġ persuni għomja li wieħed minnhom minkejja d-diżabbiltà tiegħu qabad karriera eċċezzjonali fiż-żfin, u żewġ persuni oħra pparalizzati. Kellhom xi ħaġa unika bejniethom; it-tbissima. Tbissima li lili ġegħlitni nistaqsi kif dawn, minkejja kollox, jidhru japprezzaw u jagħmlu l-aħjar użu minn dak li għandhom, u jien, li ngħid li jien Kristjana u nemmen fl-awtur tal-ħajja, qed nobgħod il-ħajja! Tassew li d-dgħufija ta’ dawn in-nies saħħitni.

Nirringrazzja lil Alla li f’dan iż-żmien għallimni nkun grata aktar għal dak li għandi. Ftit li xejn kont naħseb u nirringrazzja lil Alla li stajt nara, nisma’, nitkellem, nuża jdejja, nimxi u l-bqija... imma issa, wara li esperjenzjajt in-nuqqas ta’ dak li soltu nieħu ‘for granted’, qed nitgħallem ngħodd aktar barkieti.

Tul dan iż-żmien diffiċli bdiet tiġi frekwentament quddiem għajnejja l-istorja li nsibu fil-Bibbja dwar Ġob. Bdejt nissimpatizza ferm aktar ma’ dan il-bniedem li għadda minn tant tiġrib imma minkejja kollox baqa’ jafda fil-Mulej. L-istorja tiegħu għenitni biex nagħraf aktar li wara kollox, Alla kapaċi jinqeda bis-sofferenzi tagħna biex mhux biss ninbnew aktar aħna imma ukoll biex inkunu nistgħu nifhmu u ninkoraġġixxu aktar lin-nies oħra li niltaqgħu magħhom u nservuhom tul ħajjitna.

Jekk qabel ma stajtx nifhem għaliex Alla ppermetta li jiġri dan, issa napprezza aktar li t-toroq t’Alla mhux dejjem nifhmuhom. Tgħallimt dan mhux biss permezz tal-istorja ta’ Ġob imma ukoll permezz ta’ Kristu nnifsu. Alla ma ħelishiex lill-istess Ibnu, ippermetta li hu jbati ferm aktar milli kont qed inbati jien, imma fit-tmiem tah il-vittorja. Dan għamilli kuraġġ biex nixxierek aktar ma’ Kristu fit-tbatijiet tiegħu u bil-wisq aktar fil-vittorja tiegħu! Tassew li l-paċi li jagħtina hu, id-dinja la tifhmu u wisq aktar tista’ tagħtihulna!

Din l-esperjenza qarsa li għaddejt minnha għallmitni nterraq b’ħarsti ffokata fuq id-destinazzjoni aktarx milli niffissa fuq il-vjaġġ. Wara kollox, din id-dinja mhix dari. Iva, l-uġigħ, għalkemm taffa, għadu hemm u l-vjaġġ f’din il-ħajja jista’ jkun skomdu, imma fl-aħħar mill-aħħar hija d-destinazzjoni li jimporta. Nitlob lill-Mulej biex ikompli jkabbarli l-fidi. Jekk Hu jogħġbu jfejjaqni kompletament niżżih ħajr minn qiegħ qalbi, u jekk le, nitolbu jsaħħaħni biex din ix-‘xewka f’ġismi’ tgħinni nitbattal u numilja aktar lili nnifsi quddiemu.

Jekk fiżikament se tkun diffiċli biex niġri f’din id-dinja, nitlob lill-Mulej biex jagħtini saħħa biżżejjed biex nibqa’ niġri t-tiġrija spiritwali sal-aħħar. Wara kollox, issa nirrealizza aktar minn qabel li xejn minn dak li għandi mhu tiegħi, apparti Ġesù.

 

[email protected]

 

More in Il-punt