Rebecca Sare’ tikser rekord nazzjonali fil-Logħob tal-Commonwealth

L-atleta ewlenija Maltija Rebecca Sare’ ma setgħetx kellha esperjenza isbaħ fil-Logħob tal-Commonwealth li saru fi Glasgow fl-Iskozja meta kisret ir-rekord nazzjonali tat-triple jump propju f’dawn il-logħob ferm u ferm prestiġjużi fid-dinja sportiva. 

Ir-reazzjoni ta’ Rebecca Sare’ malli saret taf li kienet kisret ir-rekord nazzjonali tat-triple jump waqt il-Logħob tal-Commonwealth fi Glasgow, l-Iskozja
Ir-reazzjoni ta’ Rebecca Sare’ malli saret taf li kienet kisret ir-rekord nazzjonali tat-triple jump waqt il-Logħob tal-Commonwealth fi Glasgow, l-Iskozja

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Sare’ fl-Iskozja fejn talabha l-kummenti tagħha rigward din l-esperjenza. Hija saħqet li: “Kif uħud jafu ili naħdem biex intejjeb id-distanza tiegħi tat-triple jump u nikseb ir-rekord nazzjonali tal-istess dixxiplina. U l-fatt li rnexxieli nikser ir-rekord nazzjonali f’dawn il-logħbiet daqshekk prestiġjużi, jagħmlu dan ir-rekord iktar wieħed memorabbli għalija. 

Lara Gerada, l-eks record holder hija waħda mill-ikbar ħbieb tiegħi. Nikkunsidraha wkoll bħala waħda mill-idoli tiegħi fix-xena tal-atletika lokali. B’hekk niddedika dan l-unur b’mod speċjali lilha. Ninsab ferm sodisfatta li lħaqt dan it-tragward fil-karriera tiegħi u qed inħares ’il quddiem biex inkompli ntejjeb iktar dan ir-rekord. 

Din kienet l-aħħar kompetizzjoni tat-triple jump għalija għal dan l-istaġun u m’hemmx dubju li din se tkun qed tgħinni nibda l-istaġun li ġej fuq nota pożittiva.” 

More in Sports