Esklussiva | Ħames plejers ta' Tarxien FC f'allegat każ ta' tixħim
Dan is-sit huwa infurmat li kien l-klabb stess kien li informa l-Uffiċjal għall-Integrità tal-MFA
Is-sit Illum.com.mt huwa infurmat li l-Pulizija flimkien ma’ l-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta' Malta (MFA) qegħdha tinvestiga numru ta’plejers li jagħmlu parti mit-tim ta’ Tarxien Rainbows u li allegatament huma involuti f’każijiet ta’ ‘match-fixing’.
Sorsi ferm viċin Tarxien Rainbows żvelaw mal-ILLUM, li b’kollox ħames plejers qegħdin jiġu investigati. Is-sit hu infurmat li kienu nies minn ħdan il-kumitat tal-klabb stess li għaddew informazzjoni lill-Pulizija wara li saru jafu b’dawn il-każijiet. Is-sorsi tal-illum.com.mt indikaw min huma l-plejers in kwistjoni.
Fost dawk il-persuni f’nofs l-investigazzjoni hemm xi plejers li fil-passat għamlu parti mill istruttura ġiovanili tat-tim nazzjonali Malti.
Ikkuntatjat mill-ILLUM, l-Uffiċjal għall-Integrità tal-MFA, Franz Tabone kkonferma li għadejja l-investigazzjoni fuq il-każ, però hu ma elaborax aktar.
Lura għal Marzu tal-2016, l-Pulizija kienet fetħet investigazzjoni fuq diversi plejers li kienu jagħmlu parti mit-tim Malti ta’ taħt il-21 sena, wara li Franz Tabone, għall-Integrità tal-MFA kien għada informazzjoni rigward każ’ ta xiri ta’ plejers fil-logħba U-21 Malta v Montenegro.
Tarxien Rainbows Football Club bħalissa qed jipparteċipa fl-ogħla diviżjoni tax-xena tal-futbol lokali, jiġifieri l-BOV Premiere League, u jinsab it-tieni mill-aħħar hekk kif wara 12-il logħba huma irnexxielhom jiksbu biss 12 -il punt. Rainbows kienu ġew promossi għal-għola diviżjoni wara li spiċċaw rebbieħa tal-Ewwel Diviżjoni ta’ Malta fl-2007-08. Il-klabb kien twaqqaf bħala Little Rainbows lura għal 1944.
Intant f’Awissu li għadha, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima nieda konsultazzjoni pubblika dwar liġi proposta biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-isports, l-abbozz se jtejjeb il-liġijiet attwali li jiffissaw il-‘match fixing’, estensjoni tal-ġurisdizzjoni ta 'Malta fuq persuni involuti fil-korruzzjoni, filwaqt li joffri wkoll protezzjoni lil whistleblowers li jitkellmu kontra l-korruzzjoni.