Intervista | ‘Jekk ma nilħaqx il-miri tiegħi nirreżenja’ jgħid Bonett
Jaf ikun il-President il-ġdid tal-MFA. Iżda xi jrid ibiddel? Kif se jerġa’ jimla l-grawnd nazzjonali? Chris Bonett jirrispondi
Propju ftit tal-ġimgħat oħra l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol se tkun qiegħda teleġġi kumitat ġdid. L-ogħla kariga, dik ta’ President, qiegħda tiġi missielta minn żewġ persuni bi storja twila fil-futbol lokali, Bjorn Vassallo u Chris Bonett. Din il-ġimgħa l-ILLUM intervistat lil wieħed minn dawn il-kandidati Chris Bonett: avukat, eks Viċi President tal-MFA, eks uffiċjal tal-Integrità għall-UEFA u eks Aġent Kap ta’ Sport Malta. Mal-ILLUM Bonett ikun skjett dwar x’għandu jsir sabiex il-futbol Malti jerġa’ jgħolli rasu.
Nibda din l-intervista billi nistaqsih biex jaqsam mal-qarrejja tal-ILLUM il-fatturi li mmotivawh biex jikkontesta l-elezzjoni tal-20 ta’ Lulju. Huwa jirrispondi u jgħid li l-fattur kien wieħed, dak tal-klabbs. “Sentejn ilu wara li rritornajt Malta mill-karigi tiegħi mal-UEFA ma kellix ħsieb biex nerġa’ ninvolvi ruħi fl-MFA. Xtaqt ninvolvi ruħi fil-futbol iżda mhux fl-MFA għaliex wara r-riżenja tiegħi, l-MFA kienet qabdet il-perkors tagħha b’eżekuttiv ġdid u allura kont naf li l-preżenza tiegħi se tkun daqsxejn ingombranti fuqhom,” qal Bonett.
Huwa jkompli jispjega kif, “wara ċertu żmien xi ħadd mill-MFA beda jxerridha li jaf nikkontesta għall-elezzjoni tal-President u għalhekk bdew iċempluli l-klabbs u jistaqsuni jekk iniex ħiereġ. Jiena bdejt ngħidilhom le iżda min-naħa tagħhom huma baqgħu jinkoraġġuni u llum qegħdin hawn. Kif jiena rajt li l-maġġoranza tal-klabbs jixtiequ illi nkun President tal-MFA jiena iddeċidejt li noħroġ,” jgħid Bonett.
“Jekk ma nilħaqx il-miri nwarrab. Mija fil-mija”
Hekk kif hemm elenkat f’paġni 8 u 9 ta’ din il-gazzetta, il-programm ta’ Bonett jinkludi diversi proposti, uħud li faċli jitwettqu oħrajn ambizzjużi. Fil-passat wegħdiet simili kienu saru però sfortunatament ftit minnhom immaterjalizzaw. Fid-dawl ta’ dan, staqsjetu jekk jinsabx konvint li dawn il-wegħdiet kollha jistgħu jiġu attwati. Hu jkun pront sabiex jgħid li, “il-programm li ppubblikajt f’dawn l-aħħar jiem, jirrispondi din il-mistoqsija. Naqbel miegħek, fil-passat saru ħafna wegħdiet u proklami u li baqgħu ma ġewx attwati. Il-manifest tiegħi ma ktibtux waħdi, huwa x-xogħol ta’ grupp ta’ nies li ġejjin minn oqsma differenti u li ddedikaw il-ħin tagħhom sabiex nfasslu programm ċar,” sostna l-avukat.
Jiena nixtieq li nsir President tal-MFA, għaliex flok ingorr fuq il-futbol Malti nixtieq li nkun hemm u nbidel l-affarijiet għaliex il-klabbs jemmnu fija
Huwa jkompli jgħid li, “ta’ min jinnota li kull proposta li hemm fil-programm tagħna għandna s-somma allaċċjata u mhumiex biss ibbażati fuq kunċetti u prinċipji. Jien ngħid kif se nagħmilhom l-affarijiet u għalhekk ridna nkunu ċerti li jkun programm b’miri differenti fosthom dawk bbażati fuq tlieta u sitt snin. Dawn il-miri se jżommulna saqajna mal-art, dan għaliex il-partitarji, il-klabbs u l-midja jżommuni responsabbli għall-wegħdiet,” saħaq Bonett.
Dlonk nagħmillu mistoqsija supplementari fuq dan l-aħħar punt. X’tip ta’ responsabbiltà se tkun qiegħed iġġorr jekk ma jilħaqx dawn il-miri?
“Jekk ma nilħaqx il-miri nwarrab. Mija fil-mija, hemm il-miri prinċipali jekk ma nilħaqhomx jiena nitlaq,” iddikjara Bonett.
Huwa żied jgħid, “jiena avukat bil-professjoni u fl-aħħar mill-aħħar is-siġġu tal-MFA mhuwiex id-definizzjoni ta’ ħajti. Jiena nixtieq li nsir President tal-MFA, għaliex flok ingorr fuq il-futbol Malti nixtieq li nkun hemm jiena u nbiddel l-affarijiet għaliex il-klabbs jemmnu fija,” sostna l-kandidat għall-President tal-MFA.
Il-grawnds tal-futbol vojta… kif se jbiddel din is-sitwazzjoni?
Ovvjament ma stajniex nagħmlu din l-intervista minngħajr ma nistaqsih fuq il-pjanijiet tiegħu sabiex il-grawnds Maltin speċjalment dawk li jospitaw logħbiet tal-ogħla livell jerġgħu jibdew jaraw il-folol numerużi. Mistoqsi kif se jerġa’ jimla l-grawnds bil-partitarji, Bonett qal li ma setax jirrispondi llum iżda spjega l-analiżi tiegħu fuq x’qed iwassal għall-grawnds vojta.
“Sirna arroganti. Irridu nibdew u nammettu li aħna bħala moviment kalċisitku sirna arroganti. Tul is-snin aħna konna naħsbu li għax is-Sibt u l-Ħadd hemm il-logħob il-grawnd, in-nies se jiġu. Ma fhimniex forsi illi l-futbol illum il-ġurnata sar prodott bħal kull prodott ieħor u apparti minn dan qegħdin f’suq kompetittiv ħafna,” spjega l-avukat.
Għalhekk jisħaq Bonett, “in-nies trid tmur għalihom. Ħafna jsemmu l-Empire Stadium, dak iż-żmien ma kienx hawn x’tagħmel f’dan il-pajjiż. Is-Sibt u l-Ħadd kont tmur il-grawnd, illum qed tikkompeti ma’ diversi forom ta’ divertiment inkluż futbol barrani.”
Il-Governanza tal-MFA hija antikwata qiegħda bbażżata fuq sistema li kważi nsejħilha komunista
Fuq l-istess nota huwa kompla jisħaq li rridu nkunu umli u nagħtu ħarsa lejn il-prodott tagħna u nistaqsu jekk huwiex wieħed attraenti. “Mhuwiex, grawnd antik u nies mhumiex ġejjin, din hi ħasra. Għaliex il-livell hu wieħed tajjeb, kellna kampjonat eċċezzjonali din is-sena, il-kampjonat ma ried jispiċċa qatt, kien wieħed drammatiku u kellna prodott sabiħ.”
Il-futbol internazzjonali… kif se niksbu riżultati tajbin?
F’dawn l-aħħar snin, l-MFA kienet f’ċentru ta’ kritika għar-riżultati foqra li kiseb it-tim Nazzjonali Malti f’logħbiet internazzjonali. Nistaqsi lil Bonett kif Malta tista’ terġa’ tibda tirbaħ. Huwa jirrispondi u jgħid, “jekk hawn xi ħadd li qed jaħseb li t-tim internazzjonali Malti se jibda jirbaħ mill-ewwel malli jinbidel il-President tal-MFA sejjer żbaljat. Il-problema mhix tat-tim nazzjonali preżenti. Jiġifieri il-kowċ Ray Farrugia li jien għandi l-fiduċja fih, iktar milli qed jagħmel ma naħsibx li jista’ għaliex il-plejers li għandu u l-prodott li qed nagħtuh huwa dak li hu,” sostna l-avukat.
Huwa kompla jgħid kif lanqas huwa tort tal-plejers għaliex dawn kienu prodott tas-sistema li ħolqithom. Għalhekk huwa qiegħed jgħid li jrid jiġi mwaqqaf pjan serju bbażat fuq medda ta’ snin li jindirizza din il-problema. “Irridu nibdew bi skoss mill-qiegħ u għalhekk ipproponejt li bi pjan tekniku ta’ 10 snin, li sar bl-għajnuna ta’ diversi nies b’mod partikolari Carmel Busuttil, li kien kruċjali. Aħna qegħdin naraw li fi żmien disa’ snin ikollna 10 plejers Maltin jilagħbu barra. Hemmhekk ikollna tim nazzjonali kompetittiv. Jekk tħares madwarna, pajjiżi żgħar bħalna li għamlu suċċess, għamlu suċċess mhux għaliex il-kampjonati lokali tagħhom tjiebu iżda għax il-plejers tagħhom marru jilagħbu barra mill-pajjiż,” qal Bonett.
Mal-ILLUM huwa jgħid ukoll illi dan il-pjan tekniku se jkun qed jinkludi fih sillabu nazzjonali tal-futbol illi joħloq l-Akkademja l-ġdida tal-MFA u ċ-ċentri tal-MFA bl-għan li jimmarka u jħarreġ l-aktar tfal promettenti.
‘L-MFA timxi fuq sistema kważi komunista’
Naqilbu ftit id-diskors u nistaqsih dwar liema parti mill-manifest tiegħu se jkun qiegħed iħares biex jattwa minnufih ġaladarba jkun elett. Bonett jgħid li,“il-Governanza tal-MFA hija antikwata u bbażata fuq sistema li kważi nsejħilha komunista fejn inti għadd għandek struttura li tiddependi mill-President, Viċi President, Segretarju, Kunsill eżekuttiv. Din trid tinbidel.”
Żied jgħid li din trid issir aktar trasparenti. “M’iniex qed nallega li hemm xi forma ta’ prattiċi illeċiti iżda s-sistemi li huma użati fl-MFA bħas-segretezza, fil-kotba, fil-mod ta’ kif jingħataw il-kuntratti, in-nuqqas ta’ proċeduri tal-akkwisti, li ħadd ma jaf kemm għandu paga l-president jew id-diretturi, li ħafna xogħol jingħata permezz ta’ telefonata. Dawn kollha jqajmu kultura ta’ suspett li jiena nemmen li tista’ tiġi evitata,” saħaq l-avukat.
Fl-istess waqt huwa fakkar f’waħda mill-wegħdiet tiegħu li l-paga tiegħu tkun pubblika. “Intom kollha se tkunu tafu kemm naqla’ paga. M’hemmx dubju l-President għandu bżonn ikun mħallas tajjeb għax ir-responsabbiltà kbira però l-figura għandha tkun pubblika.”
Fuq l-istess nota Bonett spjega li parti importanti fir-riforma interna ddur madwar l-irwol tas-Segretarju Ġenerali li skontu għandu wisq affarijiet fuq il-mejda tiegħu.“Is-Segretarju Ġenerali attwali huwa wieħed validissimu u ħabib tiegħi, iżda naħseb għandu wisq affarijiet fuqu. L-MFA trid tibda tiddelega x-xogħol. Il-parti kummerċjali tal-MFA ma jistax jibqa’ jieħu ħsiebha s-Segretarju Ġenerali, l-istess għall-kampjonati. Is-segretarju ġenerali jrid jiffoka fuq l-iktar ittra importanti fl-MFA, l-‘F’ li tirreferi għall-futbol,” qal Bonett.
L-avukat kompla jżid jgħid li rridu nibdew nikkonċentraw fuq il-logħba tal-futbol għaliex skontu “tlifna ħafna żmien. Jiena wkoll inġorr parti minn dan it-tort. Ma niddejjaqx ngħid wkoll għaliex is-sabiħ huwa li titgħallem mill-żbalji tiegħek. Tlifna ħafna żmien nitkellmu fuq: grawnds, ħwienet ,format tal-kampjonat, f’regolamenti però fuq il-logħba tal-futbol ilna ma nitkellmu żmien.”
Jien ngħid kif se nagħmilhom l-affarijiet u għalhekk ridna nkunu ċerti li jkun programm b’miri differenti fosthom dawk bbażati fuq tlieta u sitt snin
Fl-aħħar nett staqsejt lil Bonett biex jirrispondi għax-xettiċiżmu ta’ ħafna Maltin li wara żmien twil qed iħossuhom mhux konvinti mill-bidliet li ż-żewġ kandidati qegħdin iwiegħdu.
Hu jirrispondi u jgħid, “dik hi l-isbaħ sfida, jiena rasi iebsa bniedem determinat jekk ngħid ħa ngħaddi minn dak il-bieb minn dak se ngħaddi.” Żied jgħid li, għandhom raġun ikunu xettiċi u jgħidu: ‘int mhux diġà kont fl-MFA?’ “Ma kontx dak li qed insuq il-futbol Malti. Jafu min kien qiegħed isuq l-futbol Malti.”
Minkejja dan huwa jisħaq li bi pjan serju l-pubbliku ma jdumx ma jiġi jagħti l-appoġġ lill-klabbs bl-entużjażmu li jwaqqa' kull ostaklu quddiem il-logħba tal-futbol lokali.
“Jekk iġġib il-konsensus ta’ kulħadd u twettaq dak li wegħedt mhux talli jiġu n-nies lura l-grawnd, iżda talli logħba tal-futbol lokali terġa’ ssir brillanti,” temm jgħid il-kandidat għall-President tal-MFA.