Imut Mohamed Al Fayed - l-eks-sid ta’ Harrods u ta’ Fulham FC
Al Fayed kien ukoll missier Dodi, il-partner tal-Prinċipessa Diana, li miet magħha fl-inċident
More in Barranin
Al Fayed kien ukoll missier Dodi, il-partner tal-Prinċipessa Diana, li miet magħha fl-inċident
Fi stqarrija maħruġa mill-familja tiegħu il-Ġimgħa 1 ta’ Settembru, tħabbret il-mewt ta’ Mohamed Al Fayed, fl-età ta’ 94 sena.
Dan kien jgħid li, “s-Sa Al Fayed, it-tfal u n-neputijiet tagħha jixtiequ jħabbru l-mewt ta’ żewġha u nannuhom, Mohamed, li miet nhar il-Erbgħa 30 t’Awwissu. Huwa gawda rtirar twil imdawwar b’dawk li jħobboħ”
Huwa jibqa’ magħruf l-aktar bħala l-eks-sid ta’ Harrods u ta’ Fulham FC.
Al Fayed kien imwieled l-Eġittu, u bena imperu ta’ negozji fil-Lvant Nofsani qabel ma mar jgħix fir-Renju Unit fis-sebgħinijiet.
Huwa beda minn bejjiegħ ta’ soft drinks f’Alexandria, belt twelidu. Ftit wara ltaqa’ mal-ewwel mara tiegħu, Samira Khashoggi, li kienet oħt bejjiegħ tal-armi miljunarju mill-Arabja Sawdija, li impjegaħ miegħu.
Il-konnessjonijiet li għamel wassluh sabiex bena negozju tal-importazzjoni tiegħu stess, u wara sar konsulent għal wieħed mill-aktar nies sinjuri fid-dinja; is-Sultan ta’ Brunei.
Fl-1974, hu mar jgħix fir-Renju Unit, u ħames snin wara xtara bi sħab il-lukanda Ritz f’Pariġi, waħda mill-aktar rinomati madwar l-Ewropa. Fl-1985, huwa akkwistaw flimkien id-ditta Harrods.
Fl-1997, it-tifel tiegħu Dodi miet fl-istess incident mal-prinċipessa Diana, li kienet il-partner tiegħu dak iż-żmien. Fl-2008, hu ressaq allegazzjonijiet li l-inċident seħħ taħt id-direzzjoni tal-Prinċep Filippu u l-MI6, liema allegazzjonijiet ma ġewx emmnuti minn ġurija.
Għalkemm prova kemm il-darba jakkwista ċittadinanza Brittanika, din qatt ma rċevija.
Micheal Cole, eks-direttur għall-affarijiet pubbliċi ta’ Harrods iddeskrivih bħala “karattru straordinarju.” Al Fayed biegħ il-kumpanija lill-Qatar fl-2010.
Fulham FC ukoll esprima l-sogħba tiegħu lejn l-aħbar. “Aħna dejjem nibqgħu grati lejn kull m’għamel għall-klabb tagħna, u ħsibijietna huma ma familtu u ħbiebu f’dan iż-żmien ta’ diqa,” qal il-klabb.
Shahid Khan, is-suċċessur tiegħu, esprima l-kondoljanzi tiegħu fuq is-sit tal-klabb, fejn qal li, “l-istorja ta’ Fulham ma tistax tingħad mingħajr kapitlu fuq l-impatt pożittiv tas-Sur Al Fayed bħala chairman. Il-legat tiegħu se jibqa’ mfakkar; bil-promozzjoni tagħna għall-Premier League, finali tal-Ewropa League, kif ukoll mumenti ta’ maġija minn plejers u timijiet”