Dan l-artiklu kien aġġornat is-Sibt fis-6:02pm bl-aħħar aġġornamenti internazzjonali
Ħames persuni, inkluż tifel jew tifla ta’ disa’ snin, inqatlu u mill-inqas 200 oħra ndarbu meta karozza daħlet f’folla fis-suq tal-Milied fil-belt Ġermaniża ta’ Magdeburg nhar il-Ġimgħa, skont l-awtoritajiet lokali. Minn dawn, 40-il persuna jinsabu f’qagħda serja.
Il-Prim Ministru tal-istat ta’ Saxony-Anhalt, Reiner Haseloff, ikkonferma li s-sewwieq suspettat ġie arrestat. Huwa tabib minn l-Arabja Sawdija, ta’ 50 sena, li beda' jgħix fil-Ġermanja fl-2006. L-akkużat huwa maħsub li hu persuna pro-Iżraeljana, kontra r-reliġjon Iżlamika, iżda li kien “imdejjaq bil-mod kif refuġjati kienu qed ikunu trattati fil-Ġermanja.”
Il-karozza involuta kienet mikrija, skont Haseloff.
Filmati fuq il-midja soċjali juru l-mument makabru fejn karozza sewda tidħol direttament f’folla fil-pjazza mimlija nies. Il-pulizija inizjalment ikklassifikaw iż-żona bħala suspettuża għal splussiv, iżda sussegwentement sabu li ma kien hemm xejn.
Is-suq tal-Milied f’Magdeburg, li jattiraw eluf ta’ viżitaturi kull sena, issa jinsabu f’luttu. Il-belt organizzat servizz ta’ tifkira fil-Katidral ta’ Magdeburg is-Sibt filgħaxija.
Il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz wera solidarjetà mal-vittmi u l-familji tagħhom, waqt li l-mexxejja Ewropej ukoll bagħtu l-kondoljanzi tagħhom.