Id-Distrett tal-mexxejja: Ħarsa lejn il-Ħames Distrett elettorali
Hekk kif kemm Robert Abela u anke Bernard Grech ħabbru l-kandidatura tagħhom fil-Ħames Distrett il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn dak li se jkun fost l-aktar distretti interessanti...
minn Albert Gauci Cunningham
Dan il-Ħadd u l-Ħadd li ġej se nkunu qed nagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn id-Distrett tal-Mexxejja - għaliex fl-elezzjoni ġenerali li ġejja fuq dan id-distrett - il-Ħames - se jkunu qed joħorġu bħala kandidati ż-żewġ mexxejja politiċi - Bernard Grech u Robert Abela.
F'dawn l-artikli se nkunu qed nagħtu ħarsa lejn il-lokalitajiet f'dan id-distrett aktar fil-qrib, ibbażat fuq ir-riżultati ta' elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali - li xi drabi ħabtu fl-istess ġurnata ma' elezzjonijiet nazzjonali, jiġifieri jew dik tal-Parlament Ewropew jew inkella dik Ġenerali.
Illum se nagħtu ħarsa lejn l-akbar żewġ lokalitajiet f'dan id-distrett, jiġifieri Birżebbuġa fejn fl-2019 kien hemm total ta' 8,775 votant eliġibbli għall-elezzjoni tal-Kunsill u ż-Żurrieq fejn fl-istess sena kien hemm 9,799 votant eliġibbi. Se nagħtu ħarsa wkoll lejn it-tielet lokalità - u allura dik tal-Qrendi fejn fl-2019 kien hemm b'kollox 2,543 votant.
Jekk inħarsu b'mod ġenerali lejn dawn it-tliet lokalitajiet fl-2019 meta l-poplu vvota għall-Kunsilli Lokali u anke għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew naraw kif minn Birżebbuġa, iż-Żurrieq u l-Qrendi l-Partit Laburista kiseb total ta' 10,990 vot. Minn naħa l-oħra l-PN kiseb total ta' 3,555 votant, distakk ta' 7,435 vot favur il-Partit Laburista.
Naturalment sa hemm xejn wisq sorpiża hekk kif dawn il-lokalitajiet huma tradizzjonalment Laburisti. Imma ħarsa aktar mill-qrib turi illi hemm xejriet differenti f'kull lokalità.
Il-Birżebbuġin huma l-inqas li jivvutaw!
Meta wieħed jikkumpara kemm marru jivvutaw nies fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli, inkluż dawk li saru ma' elezzjoni ġenerali jew inkella tal-Parlament Ewropew, issib li Birżebbuġa tirreġistra l-inqas rata ta' nies li jmorru jivvutaw. Fil-fatt fiż-Żurrieq f'ħames elezzjonijiet (2005, 2008, 2012, 2015 u 2019) ir-rata medja ta' votazzjoni kienet ta' 79.7%. L-aktar darba li ħarġu jivvutaw Żrieraq kien fl-2008, meta kien hemm ukoll elezzjoni ġenerali, b'92.5% filwaqt illi l-inqas kien fl-2012 meta vvutaw 73.8%. Fl-2019 - meta saru l-elezzjonijiet kollha tal-Kunsilli u anke l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew - ivvutaw 77.4%.
Il-Qrendin ukoll ħarġu jivvutaw aktar bi ħġarhom anke jekk fi tnejn minn erba' elezzjonijiet, dik tal-Kunsilli Lokali saret fl-istess jum mal-elezzjoni ġenerali. Il-medja ta' nies li vvutaw fl-2005, 2008, 2013 u fl-2019 fil-Qrendi kienet ta' 85.2%. Fl-2019 ivvutaw 76.3%.
Intant kienu 64.9% tal-elettorat ta' Birżebbuġa li marru jivvutaw fl-2019, 11.3% inqas mill-Qrendi u 12.3% inqas miż-Żurrieq.
Sfortunatament ma nistgħux nagħmlu tixbih ma' elezzjoni ġenerali għaliex f'Birżebbuġa din qatt ma saret mal-elezzjoni tal-Kunsilli. Minkejja dan - kif rajna - fl-2019 (ma' elezzjoni tal-MEPs) xorta marru jivvutaw ħafna inqas. Fl-2004 - meta saret ukoll elezzjoni tal-Parlament Ewropew - kienu ivvutaw 80.1% tal-votanti f'Birżebbuġa. L-inqas li vvutaw kien fl-2012, b'turnout ta' 61.5% biss.
Il-Labour jissaħħaħ f'kull waħda minn dawn it-tliet lokalitajiet
Xejra ċara f'kull wieħed minn dawn it-tliet lokalitajiet hija li l-Partit Laburista baqa' kważi dejjem jissaħħaħ u jikseb aktar voti għajr għal eċċezzjoni notevoli, mill-ġdid f'Birżebbuġa.
Fil-fatt fiż-Żurrieq wieħed jara li l-Partit Laburista dejjem żied, kemm jekk l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali kienet waħedha u anke jekk le. Fl-2005 il-Partit Laburista kiseb 4,159 vot (74.4%) u fl-2008 - anke jekk naqqas f'termini ta' persentaġġ għal 67% huwa kiseb 4,691 vot. Fl-2012, meta l-elezzjoni saret waħedha l-Labour żied b'mod marġinali (86 vot) għal 4,777, imma mbagħad żied b'191 vot biex fl-elezzjoni tal-2015 - li saret ukoll flimkien mar-referendum tal-kaċċa kiseb 4,968 vot. Finalment reġa' żied il-voti tiegħu b'mod qawwi fl-2019, meta qabeż il-5,000 vot (5,587) u allura żied 619-il vot mill-elezzjoni tal-2015.
Fil-Qrendi l-istampa hija ftit differenti għax f'żewġ okkażjonijiet minn erbgħa l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali saret flimkien mal-elezzjoni ġenerali. Fl-2008 il-Labour kiseb 54.8% tal-voti fil-Qrendi u allura 1,017-il vot, filwaqt illi fl-2013 fl-elezzjoni tal-Kunsilli - flimkien ma' dik ġenerali - kien spara 'l fuq għal ftit inqas minn 63% jew 1,231 vot.
Fl-2005 kien kiseb 53.7%, bi 814-il vot u 14-il sena wara, fl-2019, kiseb 467 vot aktar, jew 1,281.
F'Birżebbuġa wkoll il-Labour dejjem żied numerikament għalkemm f'termini ta' perċentwali ħa daqqa fl-2015.
Fl-2004, sena wara r-referendum u r-rebħa tal-Partit Nazzjonalista bi kważi 13,000 vot distakk, il-Labour kien kiseb 72.7% jew 3,554 vot. Fl-2007 - forsi għax ħarġu jivvutaw 15% inqas nies minn tliet snin qabel - il-vot tal-Labour waqa' għall-inqas li kiseb f'termini numeriċi, jiġifieri 3,042 vot. Fl-2012 reġa' stabbilizza għal 3,494 vot u fl-2015 reġa' żdied għal 3,710, minkejja li f'din l-elezzjoni - li ħabtet ukoll mar-referendum tal-kaċċa - il-Labour ra tnaqqis ta' kważi 10% fil-voti, minn 79% għal 69.8%. Il-PL kien attribwixxa dan għall-fatt li kandidat popolari tiegħu- Joseph Farrugia, magħruf bħala ir-Ricky - u Sindku għal ħafna snin, ma kienx ħareġ għall-elezzjoni.
Fl-2019 il-Partit Laburista kien ġab rekord ta' voti f'Birżebbuġa b'4,122 vot jew inkella 76%.
Il-PN: Lura sew fil-Qrendi u statiku fiż-Żurrieq u Birżebbuġa
Jekk inqabblu l-persentaġġ li ġab il-Partit Nazzjonalista fl-2004/2005 ma' dak fl-2019 ma tantx jirriżultaw numri wisq sbieħ, hekk kif il-PN baqa' xi ftit jew wisq statiku - minkejja żieda fil-popolazzjoni u allura l-votanti eliġibbli.
Fil-fatt fiż-Żurrieq, il-votanti eliġibbli żdiedu b'mod qawwi minn 7,542 fl-2005 għal 9,799, żieda ta' aktar minn 2,000 vot. Minkejja dan, fl-2005 il-PN kiseb 23.7% u fl-2019 prattikament l-istess, jiġifieri 23.7% mill-ġdid, anke jekk fil-fatt numerikament huwa żied il-voti minn 1,305 għal 1,733.
F'Birżebbuġa is-sitwazzjoni ftit aktar ħażina hekk kif il-PN baqa' fl-istess ilma perċentwalment imma anke numerikament. Fil-fatt fl-2004 ma' elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-PN kien kiseb 27.2% b'1,332 vot, filwaqt illi fl-2019 ma' elezzjoni wkoll tal-Parlament Ewropew, kiseb 3.2% inqas (24%) u ġab 1,305 voti, marġinalment inqas mill-2004. Dan minkejja li l-votanti eliġibbli f'Birżebbuġa żdiedu b'mod qawwi: Minn 6,309 fl-2004 għal 8,775 fl-2019, jiġifieri żieda ta' 2,466. Jekk wieħed iqabbel dawn l-elezzjonijiet allura jfisser li f'din il-lokalità l-PN rebaħ ftit li xejn votanti ġodda.
Il-PN kiseb l-aqwa riżultat f'Brżebbuġa fl-2015 meta kiseb 1,604 voti (30.2%) u l-agħar riżultat fl-2012 meta kiseb biss 926 vot (21%)
Fil-Qrendi l-Partit Nazzjonalista qatt ma qabeż id-900 vot sa issa bl-aqwa riżultat tiegħu jinkiseb fl-2008 b'45% jew 837 vot u l-agħar ikun dak tal-2019 meta kiseb biss 517-il vot jew 28%. Fl-2019 il-Partit Demokratiku (Marlene Farrugia - eks Kap tal-PD hija mill-Qrendi) kiseb 44 vot jew 2.4%. Fl-2013 - meta kienet saret ukoll elezzjoni ġenerali - il-Partit Nazzjonalista kiseb 724 vot, jew 37%.
Il-kandidati l-aktar popolari tal-PN u tal-Labour u r-rabtiet mal-ħames distrett.
Fuq dan id-Distrett ħiereġ bħala kandidat il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela li fil-fatt ma għandu ebda rabta soċjali u politika ma' dan id-distrett, li diġà għandu lista twila ta' kandidati popolari f'isem il-Partit Laburista. Fil-fatt huwa ftit stramb kif Abela għażel li jikkontesta dan id-distrett, għalkemm waħda mir-raġunijiet tista' tkun li qed jipprova jerġa' jirbaħ lura r-raba' siġġu li l-PL rebaħ għall-ewwel darba fl-2013, imma tilef fl-2017.
Il-Partit Laburista kien kiseb 66.9% fl-2013 u l-PN kien kiseb 31.7%. Fl-2017 il-PL naqqas b'1.2% u kiseb 65.7% filwaqt li l-PN kiseb 33.2% jew żieda ta 1.5%.
L-eks PM u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat kien ukoll ħareġ fuq dan id-distrett fl-2017 u kiseb 12,886 vot. B'hekk Abela jista' jkun li qed jipprova jakkwista bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta' voti li kiseb Muscat.
Bernard Grech minn naħa l-oħra għandu rabta ma' Birżebbuġa fejn huwa għex u l-ġenituri tiegħu baqgħu jgħixu għal ħafna snin. Apparti li Grech qatta' ħafna snin jgħix fil-qalba ta' Birżebbuġa, huwa kellu wkoll uffiċċju legali fl-istess lokalità.
Miriam Dalli - għalkemm tgħix San Pawl il-Baħar - għandha rabtiet qawwijin kemm ma' Birżebbuġa imma b'mod speċjali maż-Żurrieq hekk kif hija miżżewġa ma' iben l-eks Ministru Laburista u eks Kummissarju Ewropew Karmenu Vella, li huwa mill-istess lokalità. Fl-2008 Vella kiseb l-akbar numru ta' voti mill-Ħames Distrett b'4,911 u fl-2013 żied il-voti u kiseb 5,231 vot. L-istess Vella kien ikun ħafna preżenti f'Birżebbuġa, hekk kif il-familja tiegħu kellha villeġjatura f'dan ir-raħal.
B'rabta diretta ma' Birżebbuġa hemm ukoll il-kandidat Nazzjonalista Stanley Zammit, preżentement l-uniku Kunsillier tal-PN f'din il-lokalità.
Rabtiet ta' familja maż-Żurrieq għandu wkoll is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi. Kif għandu wkoll id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina li huwa minn dan ir-raħal.
Il-Partit Laburista għandu wkoll fuq il-lista lill-Ministru Julia Farrugia Portelli, Qrendija u anke lis-Sindku tal-Imqabba Omar Farrugia.
Hemm Owen Bonnici, popolari ħafna - fost oħrajn - man-nies tal-festi, inkluż f'dawn il-lokalitajiet li lkoll għandhom mijiet jew eluf ta' dilettanti u soċjetajiet mużikali differenti. Biss, biss bejn iż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba u Ħal Kirkop hemm xejn inqas minn tmien festi - tnejn f'kull lokalità. F'Ħal Safi u Birżebbuġa mbagħad isiru festa f'kull raħal. Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina wkoll għamel aċċenn partikolari ħafna fuq il-festi fl-aħħar ġimgħat, hekk kif l-aġenda kienet iddominata mill-Covid-19 u r-restrizzjonijiet. Apparti li jgħix fiż-Żurrieq, is-sieħba ta' Bonnici tgħix Ħal Kirkop, għalkemm hija aktar popolari fl-Imqabba.
L-ebda kandidat ma għandu rabtiet diretti ma' Ħal Farruġ - hamlet żgħir bejn Ħal Luqa u Ħal Qormi, fejn iżda l-Partit Laburista huwa mifhum li għandu appoġġ b'saħħtu.
Kandidati Laburisti oħrajn xi ftit jew wisq magħrufin fuq dan id-distrett huma l-eks Deputat Joe Sammut, mill-ġdid miż-Żurrieq u Jean Claude Micallef li ħiereġ fuq dan id-distrett għall-ewwel darba.
Politiċi popolari li ma baqgħux fil-lista elettorali matul is-snin u li ħallew impatt, apparti Karmenu Vella u George Vella f'isem il-Partit Laburista huma Ninu Zammit. Zammit - eks Ministru Nazzjonalista - kien miż-Żurrieq u kien politiku ferm popolari tant li fl-2003 kien kiseb l-akbar ammont ta' voti għall-PN (2,466) u reġa' fl-2008 b'2,317-il vot. L-eks Ministru Nazzjonalista Louis Galea wkoll kien popolari, kif kienu ġew eletti Helen D'Amato (miż-Żurrieq) u anke Franco Debono minn dan id-distrett f'isem il-PN.
Interessanti wkoll kif kien mill-Ħames Distrett fl-2008, dak iż-żmien f'isem il-Malta Labour Party, li kienet eletta Marlene (dak iż-żmien Pullicino) Farrugia b'2,063 vot.