Ir-raba' kandidatura rtirata mill-PN f'ġurnata: Claudio Grech mhux ħiereg għall-elezzjoni

Postu se jkun qed jieħdu l-eks Sindku tal-Belt Valletta Christian Micallef li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni fl-ewwel distrett

Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech ħabbar ftit mumenti tiegħu li huwa wkoll se jkun qed jirtira l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni ġenerali sabiex jagħmel spazju għal kandidati aktar ġodda.

Huwa qal dan f'attivita politika li qed iseħħ fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta. L-irtirar ta’ Claudio Grech mill-elezzjoni saret fl-istess jum li tliet veterani oħra – Clyde Puli, Mario Galea u Kristy Debono – irtiraw il-kandidaturi tagħhom

Grech qal li ftit xhur ilu kien qal lill-Kap tal-partit Bernard Grech li l-membri tal-partit kienu qed jitolbu għal tiġdid. Huwa kien, fil-fatt, ippropona f’laqgħa tal-eżekuttiv tal-partit li għandu jkun hemm sistema biex jinħoloq spazju għal kandidati ġodda. "Dan l-ispazju niftħu għal ħaddieħor, dan il-pass mhux qed nagħmlu bil-pika jew il-ġlied," sostna Claudio Grech

Grech tkellem dwar l-imħabba tiegħu lejn il-partit. “Dan qed nagħmel b’responsabbiltà, għax nemmen li dan il-partit għandu futur kbir fil-kandidati l-ġodda tiegħu,” temm jgħid Claudio Grech.

Intant min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni rringrazzja lid-Deputat filwaqt li ammetta li kellu emozzjonijiet differenti dwar l-aħbar ta' Caludio Grech, iżda ħass ukoll sens ta’ pożittività “għax naf li Claudio se jibqa’ bħala wieħed mill-pilastri tal-partit.”

Fi dawl ta' din l-aħbar, Bernard Grech ħabbar li l-eks Sindku tal-Belt Valletta Christian Micallef se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni fl-ewwel distrett minflok Claudio Grech.

Claudio Grech ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament Malti fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 u għal darb'oħra fl-2017. Matul il-karriera parlamentari tiegħu, huwa serva bħala Shadow Minister għas-saħħa, il-familja u l-ekonomija. Fl-2021 pero' inħatar kelliem tal-PN għat-tiġdid politiku, ir-riċerka u l-iżvilupp, u ngħata r-responsabbiltà li jfassal il-manifest elettorali tal-partit.

 

Grech, flimkien ma’ martu, huwa l-fundatur tal-Fondazzjoni Save A Life, organizzazzjoni volontarja li twettaq ħidma komunitarja mat-tfal u ż-żgħażagħ. Grech hu magħruf li jagħti d-dħul parlamentari kollu tiegħu lill-Fondazzjoni

More in Elezzjoni 2022