Il-Kandidat indipendenti fuq l-10 u l-11-il Distretti Elettorali Arnold Cassola awtorizza lill-Kummissarju tat-Taxxa biex jagħmel id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tiegħu disponibbli għall-media.
F’konferenza tal-aħbarijiet barra l-uffiċċji tal-Kummissarju għad-Dħul fil-Furjana llum, Arnold Cassola ħabbar li qed jawtorizza lill-Kummissarju biex iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ġurnalisti d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tiegħu li jmorru lura ħamsa, għaxar jew saħansitra 30 sena lura, dejjem jekk mitlub.
Huwa stqarr li l-leġiżlatura li għaddiet kienet ikkaratterizzata minn numru konsiderevoli ta’ politiċi u persuni esposti politikament li evitaw jew evadew it-taxxi jew kellhom relazzjoni dubjuża mad-doveri tagħhom bħala ċittadini responsabbli.
"Ilkoll niftakru kif Konrad Mizzi u Keith Schembri waqqfu kumpaniji sigrieti fil-Panama, bil-għan speċifiku li jaħbu l-ġid tagħhom mhux iddikjarat u li jirċievu commissions mis-17 Black ta’ Yorgen Fenech u Macbridge ta’ Chen Cheng. Imbagħad kellna lid-Deputat Laburista Ian Castaldi Paris li ġabar ‘il fuq minn miljun ewro f’ġid inspjegabbli, li ma kienx ġie mniżżel fid-dikjarazzjoni tat-taxxa."
Cassola kompla jfakkar li l-Kap tal-Partit Nazzjonslista Bernard Grech fl-2006 kien mitlub iħallas kont kbir għal taxxi mhux imħallsa bejn l-1990 u l-1996, imbagħad għal darb’oħra fl-2012 għas-snin 1999-2011 u għal darb’oħra kien mitlub iħallas l-istimi tal-VAT għall-2014 sal-2019. Din fil-fatt kienet storja li żvelat il-gazzetta ILLUM, nhar is-6 ta' Settembru 2020 meta kien żveat illi dan kellu kontijiet pendenti li jlaħħqu t-€62,000.
Cassola imbagħad fakkar ukoll f'David Thake li ma ħallsx eluf dovuti lid-Dipartiment tal-VAT.
"Ħafna aktar serji huma l-istejjer li jikkonċernaw lil Rosianne Cutajar u Robert Abela. L-ewwel waħda aċċettat ħlasijiet mingħand negozjant, meta kienet ġa taf li kien ixaħħam il-politiċi, u ma ddikjaratx dan il-qligħ fit-taxxa."
Il-Kandidat indipendenti sostna li l-Prim Ministru Robert Abela, imbagħad, għandu miljuni f’ġid bla ebda spjegazzjoni minn fejn ġew. Huwa akkuża lil Abela illi qed jippersisti li ma jiżvelax id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tiegħu. "Is-sitwazzjoni fil-każ tiegħu hija serjament ikkumplikata mill-fatt li issa nafu li kien jittratta f’negozju ma’ kriminali kbar, fosthom Christian Borg u, forsi, oħrajn," temm jgħid fuq dan il-punt Cassola.
"Billi jeħtieġ li Malta jkollha politiċi onesti li jkunu miftuħa għall-iskrutinju pubbliku, diġà bħala kandidat qed nawtorizza lill-Kummissarju tad-Dħul biex jagħti aċċess lill-ġurnalisti għad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tiegħi, jekk mitluba. Issa nistenna li l-Prim Ministru Abela u politiċi oħra jsegwu dan il-pass."
“Unexplained wealth” ma tistax tibqa’ l-karatteristika tal-parlamentari Maltin.