'Il-miżuri għal dan il-Gvern qishom lotterija, iħokk u joħroġ il-miżuri'
Mill-pjazza taż-Żurrieq Grech jappella lill-Prim Ministru biex jieqaf ibigħ il-passaporti lir-Russi u jiftaħ il-pajjiż għar-refuġjati Ukreni

minn Marianna Calleja

Filwaqt li n-Nazzjonalisti nġabru fil-pjazza taż-Żurrieq, Bernard Grech qal li issa li għalqet l-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali wieħed jista' vera jara kemm il-Partit Nazzjonalista kien lest għall-elezzjoni.
Grech fakkar kif il-PN ma stenniex il-bidu tal-kampanja biex jibda' jħabbar il-proposti, għax ilu jagħmel dan għal xhur sħaħ. Huwa tenna li kull jum li jgħaddi, il-partit qiegħed ikompli jingħaqad filwaqt li jiltaqa' mal-poplu li lesti jagħtu appoġġ. Huwa qal li għal kuntrarju tal-miżuri li joħroġ il-Partit Laburista, il-wegħdiet tal-Partit Nazzjonalista huma maħsuba u pjanati tajba. Huwa saħaq li l-wegħdiet li qed jagħmel il-partit se jitwettqu żgur għax "jiena meta nwiegħed xi ħaga, nżomma.
.jpeg)
Fuq l-istess linja ta' ħsieb huwa kkonferma li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq il-5 Distrett, l-istess distrett li din il-mass rally qed iseħħ fih. Dan għall-kuntrarju tal-aħbar falza li "prova jxerred il-Partit Laburista eżatt wara li ħabbar l-elezzjoni." Hawn Grech kien qed jirreferi għal dak li intqal propju ġimgħa ilu, li l-Kap tal-Partit Nazzjonalisti se jikkontesta fit-tnax-il distrett minflok fil-ħamest. Huwa sostna li huwa se jkun qed jagħmel dan "b’differenza ta’ Robert Abela li se jkun qed jikkontesta l-istess Distrett għax jibża’ mill-kollegi tiegħu stess."

Intant Bernard Grech dar fuq il-manifest elettorali, li l-PN approva il-Ħamis li għadda fil-Kunsill Ġenerali. Filwaqt li sostna li "issa li għaddiet l-ewwel ġimgħa tl-kampanja, il-Partit Laburista għadu lanqas biss nieda l-programm elettorali tiegħu," Grech tenna numru ta' wegħdiet li jistgħu jinsabu fil-manifest.
"Ħasbu li se jaqbduna fuq sieq waħda ... minflok sabu tim preparat, bi programm lest u Partit lest li jiggverna," qal Grech

Grech fuq is-sitwazzjoni tal-Ukrajna

Għad-daqq tal-kampnari u wara minuta silenzju Bernard Grech fakkar li minkejja l-elezzjoni fadlilha inqas minn xahar moħna ma jistax ma jkunx ukoll mal-poplu Ukren.
"Ma nistgħux nibqgħu siekta u vjolenza mhux provokata ma tistax tibqa’ għaddejja. Hemm bżonn inkunu proattivi b’messaġġ ċar," żied jgħid Grech. Huwa qabel mal-Gvern li jingħalaq l-ispazju tal-ajru lir-Russi iżda hu jrid imur pass oltre. "Irridu nħassru l-attivitajiet tal-isport magħhom. Aħna ma nilgħabux ma min joqtol. Imma rridu nieqfu nbigħulhom il-passaporti tagħna sakemm jibqgħu joqtlu poplu ieħor,” kompla jsostni Grech.

Grech appella lill-Prim Ministru biex jieqaf ibigħ il-passaporti lir-Russi u jiftaħ il-pajjiż għal min verament għandu bżonn l-għajnuna. Fid-dawl ta' dan Grech qed jipproponi li Malta għandha tpoġġu lill-poplu Ukren fuq il-lista l-ħadra tas-safar sabiex "nagħtuhom l-għajnuna li tant għandhom bżonn."



