Editorjal | L-elezzjoni tax-xettiċi!
'Din hija l-elezzjoni tax-xettiċi, ta' min xeba' sal-ponta ta' imnieħru bil-qerda tal-ambjent, li xeba' jara politiċi joqgħodu jġibu l-iskużi bil-passat u bil-Gvernijiet preċedenti biex jiskużaw l-isfreġju ambjentali tal-lum'
minn Marianna Calleja
It-tiġrija sal-barkun jgħidu u hekk hu. Diġà għidna u nibqgħu nisħqu illi minkejja kollox rebħa mhi assigurata għall-ebda partit, anke jekk telfa għall-Partit Laburista tkun xenarju diżastruz għalih u telfa għall-PN bi proporzjonijiet kbar tkun telfa devastanti, li tingħaqad ma' ħafna oħrajn fl-aħħar 13-il sena.
Din hija l-elezzjoni tax-xettiċi, ta' min xeba' sal-ponta ta' imnieħru bil-qerda tal-ambjent, li xeba' jara politiċi joqgħodu jġibu l-iskużi bil-passat u bil-Gvernijiet preċedenti biex jiskużaw l-isfreġju ambjentali tal-lum. Il-Partit Laburista jaf sew - kif jaf il-Partit Nazzjonalista - li l-poplu issa beda tassew jixba' jara l-abbuż u l-attitudni ta' min għandu jħawwel fl-ambjent. Attitudni li ilhom jesperjenzaw, Gvern wara ieħor għal dawn l-aħħar 20 sena.
U mela mhux qed isiru proposti tajbin! U mela mhux tajjeb li qed jiġu proposti ġonna u spazji pubbliċi u toroq li jsiru pedonali. Imma aħfru lix-xettiċi, li huma xettiċi għax hemm għalfejn ikunu. Għax raw fuq li raw u xebgħu jaraw il-bini tiela' kullimkien u l-isfreġji jseħħu, uħud minnhom bil-benedizzjoni tal-politiku.
Ix-xettiċi xebgħu jaraw wegħdi miksura ta' meritokrazija u sistema mnawwra u mnittna li tippremja lill-akbar lagħqa u l-akbar ħbieb tal-ħbieb. Suppost fl-2013 din ma kellhiex tibqa' ssir aktar, imma baqgħet. Fuq il-meritokrazija bqajna fejn konna u nbidel ftit li xejn. Minflok il-blu, għandna l-ħomor.
Ix-xettiċi xebgħu jaraw nies jiġu regalati kuntratti ta' eluf kbar waqt li huma jipprovaw ilaħħqu mal-ħajja!
U mela ma sarx ġid fl-aħħar disa' snin! U mela ma sarx ġid waqt il-pandemija, b'miżuri li salvaw l-impjiegi u salvaw lin-negozji! U mela mhux tajjeb li fl-agħar mumenti tal-agħar kriżi ekonomika mill-gwerra lil hawn il-Gvern ta lill-poplu, mhux ħa! L-ovvju ma tistax tmerih! Fejn Robert Abela ħaqqu t-tifħir, għandu jieħdu.
Imma l-Partit Laburista jew inkella ċerta nies fi ħdanu, jew ċerta nies li kienu fi ħdanu għamlu atti u ġabu ruħhom b'mod inaċċettabbli f'dawn il-ħames snin.
Ix-xettiċi huma dawk li jafu illi sar tajjeb u ħafna wkoll! Pero' jafu li sar ħażin ukoll - u t-tajjeb mhux se jgħidulu ħażin, pero' l-ħażin mhux se jgħidulu tajjeb. Forsi wasal iż-żmien li l-Partit Laburista - jekk xejn f'ġieħ it-tajjeb li wettaq - jagħti skuża lil dawk in-nies ġenwini li jħossu illi l-kuntratt tal-VGH, il-kuntratti lil ħbieb tal-ħbieb, assassinju ta' ġurnalista u ċerta ħniżrija ta' ċerta nies, marru kontra l-ispritu li bih suppost dejjem kellu jiggverna. Kontra l-ispirtu veru Soċjalista.
Il-Partit Nazzjonalista - minn naħa l-oħra - ma jistax iserraħ fuq dawn l-iżbalji biex jirbaħ il-fiduċja tal-poplu, imma jrid juri li huwa vera lest, b'tim li kapaċi jmexxi. U sa issa l-akbar mistoqsijiet tax-xettiċi jibqgħu propju dawn: Il-PN lest biex imexxi? Għandu nies li kapaċi jmexxu? Għandu viżjoni li fiha n-nies ikunu fiċ-ċentru? Għandu l-umiltà biżżejjed biex jammetti li għamel żbalji u weġġa' lin-nies? Għandu l-kapaċità li jżomm lil Malta fil-wiċċ jekk tinqala' xi kriżi ta' proporzjonijiet li kellna fl-aħħar snin? Se jerġa jadotta l-politika tal-awsterità? U min se jkun l-ixprun u l-moħħ politiku wara Bernard Grech?
U quddiem dan ix-xenarju x-xettiċi jibqgħu fin-nofs, jirrifjutaw li jintrabtu ma' karru politiku imma jevalwaw dak kollu li qed jgħidu ż-żewġ partiti. Jevalwaw min miż-żewġ partiti għandu l-aqwa nies u l-aqwa pjan għall-futur.
Forsi ħafna minnhom għadhom jafdaw jew jippreferu lil Robert Abela, imma għadhom qed jieħdu pass lura għar-raġunijiet li tajna hawn.
Dawn mhux pinnuri. Dawn mhux opportunisti. Dawn votanti li lesti jiddeċiedu mingħajr passjoni politika!
Issa huwa f'idejn Abela u Grech biex jikkonvinċu - lilhinn mill-wegħdi sbieħ u xi kultant populisti monetarji - li huma għarfu l-iżbalji tal-passat u se jimxu għall-futur b'tim kapaċi jżomm lil Malta fil-wiċċ anke fl-agħar mumenti u sitwazzjonijiet.
It-tiġrija sal-barkun u x-xettiċi se jkunu li jwasslu liż-żiemel rebbieħ sat-tragward!