'Aaron Farrugia qed juża l-ERA bħala l-kelb tal-but tal-Gvern' - Arnold Cassola

Cassola jikkundanna l-proposta tal-PL li qed 'idgħajjef is-sistema ta' multi għar reati kontra l-Ħarsien tal-Ambjent'

Arnold Cassola, kandidat indipendenti
Arnold Cassola, kandidat indipendenti

Fi stqarrija, il-kandidat indipendenti Arnold Cassola saħaq li l-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia qiegħed igħajjef is-sistema tal-multi għal reati kontra l-ambjent. “Minkejja r-retorika kollha waqt din il-kampanja elettorali favur il-ħarsien tal-ambjent, għal darb’oħra l-Gvern Laburista qed jipproponi tibdil fil-liġi li jdgħajjef l-protezzjoni ambjentali," qal Cassola. 

Cassola spjega li Gvern Laburista qed jipproponi li jneħħi l-possibilità li min iwettaq diversi reati jiġi mmultat diversi drabi. “Inkredibilment, fil-każ ta’ reati differenti simultanji li huma soġġetti għal multi ta’ kuljum separati għal reati differenti, qed jipproponu li  tingħata biss l-ogħla ta’ kuljum applikabbli f’kull ħin,” innota Cassola.

Huwa kompla jgħid li din il-proposta hi maħsuba biex tieħu post ir-regolamenti preżenti, li jipprovdu li f’każ ta’ reati konkorrenti, il-persuna tkun suġġetta għal pieni separati ta’ kuljum li għandhom jakkumulaw separatament sakemm ir-reati kollha jiġu indirizzati għas-sodisfazzjon tal-ERA.

Huwa stqarr li "hija tal-mistħija li l-Ministru għall-Ambjent qed juża lilll-ERA biex jipproponi tibdil fir-regolamenti li jdgħajfu s-sistema tal-multi għal reati kontra l-Att dwar il-Ħarsien tal-Ambjent.

Qal li, "Aaron Farrugia qed juża l-ERA bħala l-kelb tal-but tal-Gvern, minflok ma jkun il-gwardjan tal-ambejnt tagħna. Barra minn hekk, il-Gvern Laburista se jkun qed jintroduċi l-possibbiltà li wieħed jagħmel petizzjoni quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, u li t-Tribunal ikun jista’ jilqa’ tali petizzjonijiet parzjalment jew kollha kemm huma." 

Cassola rrimarka li l-esperjenza ta' pajjiżna dwar l-użu ta’ bordijiet ta’ reviżjoni u tribunali "qatt ma kienet waħda feliċi u din il-proposta, li saret minn Ministru bi ftit li xejn kredibilità f’infurzar effettiv ambjentali, tqajjem suspett li qed jinħoloq mekkaniżmu ieħor biex dawk li jwettqu reati ambjentali jkunu jistgħu joħorġu scot free". 

Fl-aħħar il-kandidat fl-10 u l-11-il distrett qal li Farrugia huwa l-Ministru li qed jipproponi flyover flok ġnien fl-Imisia u pompa tal-petrol ġewwa l-ġonna Ta’ Xbiex. "Ġennata kbira," temm jgħid Arnold Cassola. 

More in Elezzjoni 2022