Meta kien qed jitkellem illejla fil-Mosta l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li mhux talli m'għalqux l-kumpaniji tal-gaming, kif qal illi "il-PN xtaq", talli fetħu aktar biex sostna li llum hawn rekord ta' ħaddiema f'dan is-settur fl-istorja ta' pajjiżna.
F'diskors li għamel aċċenn partikolari u qawwi ħafna fuq ir-riżultati ekonomiċi u finanzjarji li qed jikseb il-pajjiż huwa sostna li "l-magna ekonomika ta' Tim Malta ma jwaqqafha xejn. Kellna l-aqwa livell ta' konsum fl-istorja, l-aqwa livell ta' xogħol fl-istorja, kellna l-aqwa livell ta' ġid fl-istorja u s-sena li għaddiet - minkejja pandemija - l-ekonomija ġġenerat nofs biljun ewro aktar ġid mis-sena ta' qabel."
Abela qal illi propju llum ċifri uffiċjali juru illi kien hemm tkabbir ta' 9.4% fil-Prodott Gross Domestiku u qal illi dan huwa possibbli li jitwettaq għax il-Gvern preżenti għandu l-kredibilità ekonomika u finanzjarja.
Huwa qal li l-Partit Laburista jwiegħed u jwettaq għax għandu l-kapaċità u l-kredibilità biex imexxi l-finanzi u l-ekonomija.
"X'ma kellniex u x'ipprovaw joħolqu dawk li qatt ma aċċettaw l-għażla tagħkom," qal Abela. Huwa akkuża lill-Partit Nazzjonalista bi strateġija biex tiġġammja l-ekonomija meta għal darba, tnejn baqa' jsemmi elezzjoni speċjalment b'rapporti lura is-sena l-oħra li kienu jgħidu illi l-elezzjoni kienet ġejja f'Novembru.
"Tippruvaw kemm tippruvaw kollu ta' xejn," sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista. Huwa jerġa' jfakkar li llum Malta għandha l-inqas rata ta' qgħad.
Dwar il-prezzijiet tal-enerġija huwa qal li jekk ikun hemm il-PN fil-Gvern jerġa' jagħmel kif kien għamel fil-passat u allura, meta jogħlew il-prezzijiet minn barra, jgħolli l-konijiet għall-Maltin u l-Għawdxin. "Ara aħna għidnilkom li se nibgħatu b'€27 miljun f'ċekkijiet u bgħattna €70 miljun. Fittxu ċ-ċekk fil-manifest tal-PN, ara ssibuhx," qal Abela.
Huwa mbagħad elenka wħud mill-wegħdi li ppropona l-Labour din il-ġimgħa bħaż-żieda fiċ-Childrens' Allowance, €1,500 għall-istudenti kollha li jibqgħu jistudjaw wara l-età ta' 16-il sena u uniformi u Wi-Fi b'xejn għal dawk l-istudenti li ġejjin minn familji vulnerabbli.
"Bħalma kont it-tarka tagħkom fil-maltemp - jekk tafdawni - immexxu lil dan il-pajjiż lejn l-aktar żmien eċitanti tiegħu," sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.