Tfal jappellaw lill-kandidati biex joħolqu spazju inklussiv għall-parteċipazzjoni

'It-tfal mhumiex ċittadini tat-tieni klassi' - Martina Olivia

Tfal appellaw lill-kandidati elettorali, minn kull partit politiku, biex jiffirmaw dikjarazzjoni biex jimpenjaw rwieħhom u jixprunaw l-aspirazjonijiet tat-tfal. Din id-dikjarazzjoni timpenja lill-Membri Parlamentari prospettivi biex jaħdmu biex jinħoloq spazju sikur u inklużiv għall-parteċipazzjoni tat-tfal.

Il-pressjoni fuq il-kandidati biex jiffirmaw din id-dikjarazzjoni hija parti mill-azzjoni li qed jieħu l-osservatorju tad-drittijiet tat-tfal, li ġie mwaqqaf is-sena l-oħra biex jidentifika nuqqasijiet u oqsma prijoritarji fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal. L-osservatorju jġib flimkien esperjenzi tan-nies, akkademiċi, kontribuzzjonijiet interdixxiplinari u transsettorjali biex tavvanza l-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

L-Osservatorju f'Malta tad-Drittijiet tat-Tfal (CROM) jgħid li din id-dikjarazzjoni għandha importanza aktar profonda hekk kif għall-ewwel darba f-istorja elettorali ta' Malta, żgħażagħ ta' 16-il sena se jkunu jistgħu jitfgħu l-vot tagħhom u jsemmgħu leħinhom. 

Iċ-Chairperson tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society Marie-Louise Coleiro Preca qalet li, "għal wisq żmien, dawk li jfasslu l-politika taw importanza minima lil impatt dirett tad-deċizjonijiet tagħhom fuq it-tfal. Nittamaw li din id-dikjarazzjoni isservi ta’ pressjoni fuq il-kandidati elettorali biex jirrikonoxxu li l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal hija mossa li tibbenefika lilhom u l-preżent u l-futur tat-tfal tagħna."

Intant, Martina Olivia ta’ 17-il sena, membru tal-Kunsill tat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan il-Malta Foun-dation for the Wellbeing of Society, qalet li t-tfal mhumiex ċittadini tat-tieni klassi.

“Il-proposti tat-tfal għandhom jittieħdu bis-serjetà jekk irridu niżguraw futur isbaħ, fejn il-benesseri tas-soċjetà tagħna tkun prijoritizzatha. Huwa għalhekk li għandna bżonn kandidati elettorali u nies fil-poter li lesti jkunu abbord magħna t-tfal, u lesti li jadottaw viżjoni inklużiva li tkisser il-mentalità passiva fi gżiritna,” qalet Martina Olivia.

More in Elezzjoni 2022