'Nixtieq li mmorru għar-reklamazzjoni tal-art imma l-ewwel isiru l-istudji' - Bernard Grech

Jgħid ukoll li l-bibien tiegħu jibqgħu miftuħa għal kulħadd inkluż għal Franco Debono li fi kliemu 'għad fadallu ħafna x'joffri lill-pajjiż'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa favur ir-reklamazzjoni tal-art anke jekk saħaq li qabel tittieħed deċiżjoni bħal din, hemm bżonn li jsiru l-istudji kollha neċessarji.

Waqt li kien qed ikun intervistat fl-Imsida, mill-ġurnalist ta’ MaltaDaily Gabriel Mifsud, meta mistoqsi dwar it-terrapien ikkawżat mill-iżvilupp, Grech saħaq li r-reklamazzjoni tal-art tista’ toffri ħafna opportunitajiet.

“Lesti li nkomplu nistudjaw biex naraw il-possibbilità li jkollna r-reklamazzjoni tal-art,” insista Grech.

Saħaq li l-Partit Nazzjonalista jaf li l-ispiża hija kbira jekk issir fil-fond u li jista’ jkun hemm impatti negattivi, jekk pereżempju din issir viċin ix-xatt u propju għalhekk li insista li qabel tittieħed deċiżjoni jridu jsiru ħafna studji.

“Imma iva nixtieq li mmorru f’dik id-direzzjoni imma qabel irridu nistudjaw. Żgur li mhux se nqumu filgħodu u naqbdu u niddeċiedu. Żgur li mhux se nużaw ir-reklamazzjoni tal-art biex nitfgħu t-terrapien ikkawżat mill-mini tal-metro kif se jagħmel il-Labour,” saħaq Grech.

Li hu żgur, kompla jisħaq, huwa li Gvern Nazzjonalista se jkun qed iżid l-użu tal-enerġija rinovabbli billi jsir impjant, fuq skala kbira, ta’ rdieden tar-riħ f’baħar fond, anke bl-għajnuna tas-settur privat. Insista li din kienet proposta tal-Partit Nazzjonalista li wkoll ikkopja l-Partit Laburista.

“Jiena determinat li nżidu bis-saħħa l-użu tal-enerġija rinovabbli,” insista Grech.

Jekk titlef l-elezzjoni, se tirriżenja?

Mistoqsi wkoll dwar is-sondaġġi, il-Kap Nazzjonalista rrikonoxxa li d-distakk għadu kbir u li t-triq għall-Partit Nazzjonalista hija għat-telgħa. Madanakollu saħaq li xejn mhu konkluż u hemm nies li għadom mhux jgħidu li mhux se jivvotaw.

Il-partit mar ħafna ‘l quddiem. L-Oppożizzjoni ssaħħet ħafna. In-numri ma ssaħħux daqskemm stennejna. Imma ma ninsewx li aħna l-veru underdogs

Mistoqsi jekk hux se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, jekk il-partit jitlef bi kbir, Grech saħaq li hu qed jiffoka fuq l-elezzjoni imma kif għamel fl-2020, se jpoġġi lilu nnifsu għas-servizz tal-partit u tal-pajijż.

“Dak li għamilt fl-2020 għamiltu għall-pajjiż u għall-partit. Il-partit mar ħafna ‘l quddiem. L-Oppożizzjoni ssaħħet ħafna. In-numri ma ssaħħux daqskemm stennejna. Imma ma ninsewx li aħna l-veru underdogs. Aħna minn taħt minn kull sens,” insista Grech waqt li akkuża lill-Partit Laburista li jonfoq il-miljuni biex imbagħad il-kuntratturi jgħinuh u lanqas ma għandu “taħt kontroll” xi midja, kif fi kliemu għandu l-PL.

Il-bieb tiegħi jibqa’ miftuħ għal Franco Debono

Il-ġurnalist staqsa wkoll lil Grech dwar Franco Debono li din il-ġimgħa qal li għadu ma wasalx iż-żmien li jerġa’ jidħol fil-politika. Staqsih jekk il-PN, fl-aħħar ġimgħat, talabx lil Debono joħroġ għall-elezzjoni.

Grech saħaq li biex tersaq lejn partit mhux bilfors trid tkun kandidat, iżda saħaq ukoll li Franco Debono għandu xi ħaġa x’joffri.

“Il-bieb tiegħi jibqa’ miftuħ għal Franco Debono u għal kulħadd. Miegħi tista’ taħdem,” insista Grech waqt li kkonferma li jikkomunikaw flimkien. “Franco debono wkoll irid li jkun hawn il-bidla.”

‘Jiena rrid li ż-żgħażagħ ikollhom opportuntajiet f’pajjiżna’

Dwar iż-żgħażagħ, Grech akkuża lill-Gvern Laburista li meta “ma ħoloqx” setturi ġodda tellef liż-żgħażagħ ħafna opportunitajiet.

Fakkar fil-wiegħda tal-PN li joħloq għaxar setturi ekonomiċi ġodda. Kien hawn li saħaq li hu jrid liż-żgħażagħ isiefru u għalhekk qed joffrilhom vawċer ta’ €500, iżda insista wkoll li l-pajjiż irid jibża’ għat-talent taż-żgħażagħ u jġibu lura.

“Aħna kull inċentiv norbtuh ma’ xi ħaġa pożittiva. Il-proposti tagħna huma katina,” saħaq Grech waqt li insista li l-uniku viżjoni li għandu l-poplu quddiemu, hija dik tal-Partit Nazzjonalista.

‘Il-familja hija fiċ-ċentru tal-politika tiegħi’

Tkellem ukoll dwar il-proposti li ħabbar illum waranofsinhar biex jinħoloq aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, biex il-ħaddiema jkollhom biżżejjed ħin mal-familja u anke għalihom infushom.

Saħaq li hu għamel żmien ċeda l-professjoni tiegħu biex irabbi lill-uliedu u għalhekk insista li “l-familja hija verament fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.”

‘Se nnaqqsu r-rata ta’ taxxa ta’ 25% għal kulħadd’

Il-Kap Nazzjonalista tenna l-wiegħda tal-PN li l-ogħla rata ta’ taxxa tonqos minn 35% għal 25% għal kulħadd.

Qal li l-Partit Laburista qal li se jagħmilha biss għan-negozji u dan meta l-esperti qed jgħidu li dan ma jagħmilx sens għax joħloq ħafna tgerfix.

“Ma jafux x’inhuma jagħmlu! Aħna nnaqqsu r-rata għal kulħadd,” saħaq Grech waqt li akkużat lill-PL li ma jikkonsultax.

Temm jisħaq li din l-elezzjoni hija waħda partikolari u l-votanti għandhom għażla bejn Gvern li lin-nies “jarahom dubbien” u l-Partit Nazzjonalista li ma jinteressahx minn kemm persuna għandha flus imma minn kemm għandha għal qalbha l-pajjiż.

More in Elezzjoni 2022