X’inhu l-metaverse? Ilbes in-nuċċali u lesti ruħek għal dinja diġitali!

X’inhu dan il-metaverse li semma l-Partit Nazzjonalista? Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Alexiei Dingli, Professur tal-Intelliġenza Artifiċjali biex tagħti ħarsa lejn is-settur li l-Partit Nazzjonalista jrid jinvesti biljun ewro fih jekk jitla’ fil-Gvern

Hekk kif il-kampanja elettorali ġiet fis-seħħ, il-Partit Nazzjonalista ma tilef l-ebda ħin biex ħabbar l-ewwel wegħda tiegħu, dik tal-metaverse. Filwaqt li din il-wegħda hi waħda ambizzjuża u attraenti għall-bosta, hemm numru ta’ nies li l-metaverse qatt ma semgħu bih. 

Huwa għalhekk li l-ILLUM tkellmet ma’ Alexiei Dingli, Professur tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta, sabiex jispjega f’termini iktar sempliċi x’inhu l-metaverse, kif se jaffettwak anke jekk m’intix midħla tat-teknoloġija u fuq kollox kemm hi reali u sostenibbli wegħda bħal din. 

Il-Metaverse ... Id-dinja onlajn 3D fejn in-nies jiltaqgħu  

Il-Professur Alexiei Dingli spjega mal-ILLUM kif il-metaverse hija dinja online 3D fejn in-nies jiltaqgħu biex iwettqu attivitajiet normali. “Kemm biex jissoċjalizzaw imma anke jaħdmu, jagħtu preżentazzjonijiet, jagħmlu sport, jilagħbu, jorganizzaw kunċerti, u ħafna aktar,” spjega Dingli. Fi ftit kliem l-għan tal-iżviluppaturi tal-metaverse huwa li joħolqu infrastruttura fejn in-nies jistgħu jaqbżu minn realtà virtwali għall-oħra bla xkiel.  

Tiftakru meta Mark Zuckerberg, sid Facebook, biddel l-isem tal-kumpanija għal ‘Meta’, u l-Maltin dlonk qabdu jiċċajtaw li Zuckerberg qed jitgħallem il-Malti? Il-‘Meta’ ta’ Zuckerberg huwa l-istess metaverse li qed nitkellmu fuqu issa. 

Bħalissa, Zuckerberg qed jiffoka fuq il-ħolqien ta' uffiċċji virtwali fejn in-nies li jaħdmu mid-dar jistgħu jinġabru bħallikieku marru x-xogħol, flimkien ma' djar virtwali nies jistgħu jospitaw ħbieb reali. Il-quddiem huwa jixtieq joħloq spazji fejn wieħed jattendi kunċerti, jivvjaġġa lejn meravilji naturali kif ukoll jixtri ħwejjeġ u oġġetti virtwali imma li imbagħad jitwasslu quddiem il-bieb tad-dar daqslikieku mort xtrajthom minn ħanut. Dingli qal li kumpaniji bħal Facebook jarawha bħala estensjoni naturali tal-midja soċjali. Oħrajn bħal Microsoft iqisuha l-evoluzzjoni li jmiss tal-post tax-xogħol. 

Imma x’periklu tista’ ġġib l-metaverse? 

Alexiei Dingli spjega li bl-appoġġ ta' korporazzjonijiet kbar bħal Facebook u Microsoft, huwa ċert li l-Metaverse se jseħħ dalwaqt.  

“L-akbar ostaklu bħalissa huwa t-teknoloġija peress li l-provvista ta' nuċċalijiet tajbin tar-realtà virtwali - l-apparat li għandek bżonn sabiex tidħol fil-metaverse - għadha problematika iżda meta wieħed iqis kumpaniji bħal Oculus u Apple li qed jaħdmu fuq dawn l-apparati, nistennew li jippreżentaw nuċċalijiet AR/VR f'xi żmien din is-sena stess,” spjega. 

L-akbar problemi li jista’ wieħed jiltaqa’ magħhom skond il-Professur huma ta’ natura soċjali. Huwa qal mal-ILLUM li l-istess problemi tal-internet u l-midja soċjali se jkunu qed jimxu fuq spazju bħal dan. 

McDonalds, Manchester City, Microsoft u Facebook kollha ġewwa l-metaverse!  

Ġie innutat fl-aħħar xhur kif kumpaniji bħal McDonalds, bħal Facebook u Microsoft u saħansitra timijiet tal-futbol bħal Manchester City kollha qed jinvestu f’dan il-metaverse. Kif jista’ jintuża l-metaverse minn dawn il-kumpaniji? 

Dingli spjega kif il-metaverse se tkun “il-ħaġa kbira li jmiss” u għalhekk kollha jridu preżenza sabiex prinċipalment ittejbu l-marka tagħhom fl-industrija.  

“Settur li ma nisimgħux dwaru huwa s-suq tal-ilbies virtwali. Ftakar li lkoll ser ikollna avatar fuq il-Metaverse. X'jiġri jekk aktar milli jkollna avatar bi flokk sempliċi, irridu li jilbes flokk ta' Manchester City FC?” kompla jgħid. Huwa qal illi dan kollu se jkun qed jiswa’ ħafna flus, f'xi każijiet daqs tagħmir fil-ħajja reali. Fil-fatt, is-suq globali tal-ilbies virtwali mistenni jikber minn $3 biljun għal $15-il biljun fi żmien 5 snin.  

Fil-każ ta’ McDonalds, Dingli jbassar li probabbilment se juża l-metaverse biex jipprovdi ħwienet virtwali. “Mela waqt li tkun qed iddur, ikollok il-ġuħ, minflok toħroġ mill-Metaverse biex tordna l-ikel, tista' tagħmel dan direttament minn ġewwa d-dinja virtwali u tirċievi l-ikel wara l-bieb reali,” kompla jispjega lill-ILLUM Dingli. 

X'inhu r-rwol tar-Realta Virtwali u l-Intelliġenza Artifiċjali fil-metaverse? 

Realtà virtwali (VR), l-intelliġenza artifiċjali (AI) kif ukoll ir-realtà awmentata (AR) huma fundamentali għall-metaverse. VR u AR se jagħtu realtà mħallta.  

Il-VR se jintuża biex jurina d-dinja 3D, fejn se tikkomunika ma’ nies oħra. AR se tagħtina l-oppost, għalhekk hija estensjoni tad-Dinja Virtwali għad-Dinja Reali.  Immaġina li qed timxi l-Belt Valletta, tħares lejn ħanut u tara roħs fuq il-prodotti tiegħu, offerti speċjali flimkien ma’ links għall-metaverse tal-ħanut. L-intelliġenza artifiċjali se tkun il-maġija li tagħmel il-Metaverse jaħdem.  

“Affarijiet sempliċi bħat-trasport fi ħdan il-metaverse (il-karozzi virtwali li jsuqu waħedhom se jkunu misjuqa minn AI), jekk irrid nibdel wiċċi biex nidher qisni dragun, l-AI se timmappa l-wiċċ fiżiku tiegħi u tirreplika dawk il-movimenti fuq il-metaverse,” kompla jisspjega b’paċenzja Alexiei Dingli. 

‘Hija biss kwistjoni ta' żmien sakemm ħafna nies, anke mingħajr idea tat-teknoloġija, ikollhom aċċess għal għodod bħal dawn 

Il-wegħda tal-metaverse torbot ma’ wegħda oħra tal-Partit Nazzjonalista. Dik li kors ġdid fl-MCAST jiġi ntrodott sabiex jilqa’ għall-studenti li jixtiequ jistudjaw fis-settur. Iżda l-ILLUM tistaqsi  lill-Professur jekk wieħed mhux midħla tat-teknoloġija, kif se jibbenefika mill-metaverse?  

Huwa beda’ b’nota, dik li kors fl-MCAST huwa biss l-ewwel pass. Warajh ikun hemm korsijiet fl-Università u fl-istituzzjonijiet privati l-oħra.  

“Ir-rivoluzzjoni wara l-midja soċjali kienet li nies li kienu telespettaturi passivi fuq il-web saru kreaturi attivi,” qal Alexiei Dingli. Huwa jispeja kif fil-preżent wieħed jista’ jagħmel likes, jiktbu kontenut ġdid u jiftħu blog imma fil-futur il-possibilitajiet huma akbar. Għalhekk hija biss kwistjoni ta' żmien sakemm ħafna nies anke mingħajr idea tat-teknoloġija, ikollhom aċċess għal għodod bħal dawn. 

Il-PN qed jgħid li l-ġid li jinħoloq minn dan is-settur huwa kbir. Kemm vera jista’ joħloq ġid il-metaverse?  

L-aħħar mistoqsija għal Professur Alexiei Dingli mill-ILLUM bilfors kellha ddur fuq il-flus jew il-ġid li l-PN qiegħed jgħid li se jrendi dan l-investiment. Il-gazzetta staqsa lill-Professur kemm vera jista’ joħloq dan il-metaverse. 

Huwa spjega li sena ilu, il-Metaverse kien stmat għal madwar $50 biljun. Fi żmien sentejn, dan huwa stmat li jilħaq $800 biljun. Jekk iżżid magħha elementi li se jgħixu wkoll fuq il-Metaverse bħall-Intelliġenza Artifiċjali, Logħob Diġitali, eSports, stampar 3D u oħrajn, qed nitkellmu dwar suq globali ta’ madwar $1.5 triljun fis-snin li ġejjin. Dawn l-istess elementi jagħmlu parti mill-wegħda tal-10 setturi tal-Partit Nazzjonalista. 

“Naturalment, aħna bħala pajjiż nistgħu niksbu biss porzjon żgħir minnu, iżda żgur huwa porzjon żgħir ta' suq enormi,” temm Alexiei Dingli. 

More in Elezzjoni 2022