Ivan Castillo | Qalbna mal-ħaddiema
Nemmnu li l-piż tat-taxxi għandu jitnaqqas drastikament b'politika ferm aktar ġusta ta' dixxiplina fiskali u b'hekk kulħadd iħallas dak li hu dovut minnu mingħajr ma jixħet pi\ fuq min dejjem ħallas it-taxxa dovuta
minn Ivan Castillo
Iva ħbieb tiegħi. Ngħidha b’wiċċi minn quddiem. Il-ħaddiema għall-Partit Nazzjonalista huma l-preżent u l-futur ta’ dan il-pajjiż. Il-ħaddiema għalina mhux biss qegħdin hemm biex ikabbru l-ekonomija tal-pajjiż, iżda qegħdin hemm biex b’xogħolhom jgħixu ħajja b’dinjità fejn il-familja u l-maħbubin tagħhom ikunu jistgħu jħarsu b’ottimiżmu għall-ġejjieni. Aħna ser inkunu qed nassiguraw li l-ħaddiema Maltin ikunu qed jgħixu ħajja ta’ kwalità u mhux jeżistu biex jaħdmu.
U propju għalhekk li l-PN ħareġ għexieren ta’ proposti immirati sabiex nippremjaw lill-ħaddiema Malti u Għawdxi. Sabiex inroddu lura r-rispett li kull ħaddiem jixraqlu. Proposti li ġew mill-ħaddiema nfushom wara li ltqajna ma' diversi minnkom u smajna dak li għandkom tgħidulna.
Proposti li permezz tagħhom ser niġġieldu bil-qawwa kollha l-prekarjat. Ser niġġieldu bil-qawwa kollha l-abbuż. Se nassiguraw li t-taxxi jkunu ġusti u ma jkollhom l-ebda anomalija fihom li permezz tagħha l-Gvern jisirqek mal-€120 fis-sena mill-2016 'il hawn.
Diġà ħabbarna li dawn il-flus misruqa se jingħataw lura lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Din għalina mhux aċċettabbli.
Nemmnu li l-piż tat-taxxi għandu jitnaqqas drastikament b’politika ferm aktar ġusta ta’ dixxiplina fiskali u b’hekk kulħadd iħallas dak li hu dovut minnu mingħajr ma jixħet piż fuq min dejjem ħallas it-taxxa dovuta. U dan ser nagħmlu bil-fatti. Ser inkunu qed inħallulek iktar flus f’butek.
Għalhekk min jaqla’ inqas minn €20,000 ser jingħata kreditu ta’ taxxa ta’ 10% fuq l-ammont ta’ taxxa imħallsa s-sena ta’ qabel. Fi kliem sempliċi fuq dħul ta’ €20,000, u ħlas ta’ taxxa ta €2,275, inti ser tkun qed tirċievi kreditu ta €227.
Min jaqla’ bejn €20,001 u €40,000 ser jingħata kreditu ta’ taxxa ta’ 5%. Fi kliem sempliċi jekk is-sena ta’ qabel tkun qlajt €28,000 u ħallast €4,000 f’taxxa, Gvern Nazzjonalista ser ikun qed jagħtik kreditu ta’ 5% fuq dak l-ammont jew €200.
Min jaqla’ bejn €40,001 u €60,000 ser ikun qed jirċievi kreditu ta’ 3%, jew fi kliem sempliċi jekk tħallas €7,525 f’taxxa ser intuk kreditu ta’ €226.
Apparti minn hekk ser innaqqsu r-rata ta’ taxxa minn 35% għal 25% għal dawk li jaqilgħu bejn €60,001 u €80,000 fis-sena.
Aħna ser inkunu qed ninċentivaw ix-xogħol u l-qligħ u bl-ebda mod mhu ser inkunu qed nikkastigawh.
Ser inkunu qed nintroduċu qafas innovattiv ta’ Relazzjonijiet Industrijali sabiex insaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema u flimkien mal-imsieħba soċjali ser insaħħu r-rwol tat-Trade Unions u nippromwovu l-importanza tas-sħubija partikolarment f’oqsma li fihom id-drittijiet tal-ħaddiema jistgħu faċilment jiġu mittiefsa.
Gvern Nazzjonalista ġdid ser iwaqqaf kummissarju fl-Uffiċċju tal-Ombudsman responsabbli milli jara li l-prinċipju ta’ Equal Pay for Equal Work jitħaddem fil-prattika. Ser niżguraw li ma jibqgħux ikunu permessi prattiċi meqjusa prekarji. Mhux ser nibqgħu naċċettaw li żewġ ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol jitħallsu differenti. M’hemmx iktar skużi.
Gvern Nazzjonalista ġdid ser ikun qed jippjana biex jinċentiva startups innovattivi u teknoloġiċi li jibqgħu jinvestu u jkabbru l-intrapriża tagħhom qabel ma jibdew jerfgħu l-piż fiskali.
Ser naraw li minbarra li nirrevedu l-qafas fiskali ta’ pajjiżna sabiex nibqgħu kompetittivi internazzjonalment, ser niżguraw li l-ebda intrapriża lokali ma tkun żvantaġġjata sempliċiment għax is-sidien tagħha huma Maltin.
Gvern ġdid Nazzjonalista ser ikun qed jintroduċi proċess ta’ konsultazzjoni flimkien mal-Imsieħba Soċjali dwar ġimgħa xogħol ta’ erbat ijiem (four-day week). Four-day week sabiex il-ħaddiema Maltin ikollhom iktar ħin sabiex igawdu l-familji u l-ħin liberu tagħhom.
Ser nindirizzaw ukoll lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu b’mod irregolari bil-għan li jinqata’ l-abbuż fuq il-ħaddiema u ma jibqgħux jiġu esposti b’riskju għall-saħħithom fuq il-post tax-xogħol.
Gvern Nazzjonalista ser jassigura li kull omm li terġa’ tidħol fis-suq tax-xogħol, tieħu għotja ta’ €1,000.
Ser inniedu skemi li jippromwovu l-akkwist ta’ ishma għall-impjegati jew mekkaniżmi simili fejn dawn ikunu eżenti mit-taxxa tal-boll fuq it-trasferiment tal-ishma mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali jekk l-ishma jinżammu għal iktar minn ħames snin.
Aħna bil-fatti ser intejjbu l-kwalita tal-ħajja tal-ħaddiema. Aħna bil-fatti li qalbna mal-ħaddiema. Il-flus miġbura mit-taxxi tal-ħaddiema tagħna aħna ser nonfquhom u ninvestuhom għalik. Mhux għal tal-qalba. Mhux għall-ħbieb tal-ħbieb. Mhux għall-persons of trust.
Gvern ġdid Nazzjonalista huwa garanzija ta’ serħan tal-moħħ għall-kull min jaħdem fis-servizzi finanzjarji u legali. Gvern Nazzjonalista jimbarka fuq setturi ġodda innovattivi sabiex kif għamilna fil-passat, nerġgħu noffru lill-pajjiżna futur sabiħ u sostenibbli.
Gvern Nazzjonalista ser ikun ta’ wens għal kull min hu bieżel. Nistedinkom sabiex tingħaqdu magħna u noffru lill-pajjiżna il-bidla li tant għandu bżonn.