Miriam Dalli | Enerġija: Politika li tħares fit-tul
Pajjiżna ma jaffordjax li jieħu riskji f’dan is-settur. It-track record juri biċ-ċar li għandna kemm il-ħila kif ukoll ir-rieda li nkomplu naħdmu b’saħħitna kollha biex nilħqu l-miri
minn Miriam Dalli
Fl-aħħar sena u erba’ xhur illi matulhom mexxejt il-qasam tal-enerġija f’pajjiżna, kelli l-opportunità li nkompli naħdem lejn politika li tħares ’il quddiem. Sa mill-bidunett sħaqt li l-politika tal-enerġija kellha tkun imsejsa fuq ħames pilastri ewlenin – li l-prezzijiet tal-enerġija jkun jista’ jilħaqhom kulħadd, li nassiguraw il-provvista, li jkollna diversità ta’ sorsi, li nimxu lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-settur, u li nżommu lill-konsumatur fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed.
Nista’ ngħid li kien żmien ta’ sfidi kontinwi mhux b’inqas minħabba ekonomija li qed tikber b’mod mgħaġġel u tirrifletti ruħha f’żieda kontinwa fid-domanda għall-enerġija, minn sena għall-oħra. Iżda, b’sodisfazzjoni ninnota li lħaqna l-miri tagħna b’diversi inizjattivi li ħadna.
Sibt sitwazzjoni fejn mijiet ta’ konsumaturi li kienu nvestew fil-pannelli mis-sena 2012 ’l hawn, sabu ruħhom b’kuntratti ta’ feed-in tariff skaduti jew li kienu waslu biex jiskadu. Kellhom kuntratti li wara seba’ jew tmien snin, kienu se jaqgħu fuq ir-rata marġinali baxxa, tant li ħafna indikawli li kien jaqblilhom li jarmu s-sistema li kellhom u li kienet għadha taħdem tajjeb biex flokha jpoġġu waħda ġdida li tirrendilhom iktar. Mill-ewwel indunajna li dawn il-konsumaturi kienu daħqu bihom billi webbluhom b’feed-in tariff għal ftit snin biss. Konna se niffaċċjaw sitwazzjoni li flok inżidu ma’ li kellna, konna se nkunu qed narmu l-pannelli biex inwaħħlu oħrajn flokhom. Kien għalhekk li ħsibna f’soluzzjoni fit-tul li tiggarantixxi rata vantaġġjuża għal mill-inqas 20 sena u li tapplika għal kulħadd.
Ma waqafniex hemm. Nedjena skemi b’saħħithom u ġenerużi li komplew iħajru investiment f’dan il-qasam. Offrejna rati tajbin li jiggarantixxu ċertezza għal 20 sena. Żidna l-opportunità li wieħed jinvesti wkoll f’sistema li taħżen l-enerġija f’batterija apposta. Ikkommettejna wkoll ammonti rekord ta’ fondi biex investituri jitħajru jibnu solar farms kbar fi skema li tlaħħaq sittax-il megawatt oħra.
Din il-politika li tħares fit-tul ħalliet il-frott u serviet biex fl-aħħar sena komplejna nżidu l-installazzjonijiet, tant li qbiżna l-200 megawatt ta’ kapaċita’. Nemmen li nistgħu nilħqu miri iktar ambizzjużi. Qed inħarsu wkoll lejn opportunitajiet fuq il-baħar biex inżidu l-investiment f’enerġija nadifa fuq skala li għadna ma rajniex bħalha. B’hekk inkomplu niddekarbonizzaw is-settur.
Biex dan iseħħ, peress li kemm l-enerġija mir-riħ kif ukoll dik mix-xemx, ivarjaw fl-ammonti li jipproduċu minn ħin għal ieħor, jeħtieġ li jkollna grid b’saħħitha tant, li meta jonqos l-ammont ta’ enerġija minn dawn l-impjanti l-kbar, tkun tista’ tikkompensa għal dan iċ-ċaqlieq biex il-konsumatur jibqa’ moqdi l-ħin kollu mingħajr waqfien.
It-tieni Interconnector se jkun qed isaħħaħ il-grid b’rabta iktar b’saħħitha mal-grid Ewropew. B’hekk, il-grid tagħna tkun tista’ tiflaħ tieħu aktar enerġija rinovabbli, anki fuq skala kbira. L-effett finali se jippermetti tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet li jlaħħaq mal-58%.
Iktar minn hekk, meta jkun hemm drabi fejn pajjiżna jipproduċi aktar milli meħtieġ, l-Interconnector se joffri żvog ġdid lill-grid tagħna billi nkunu nistgħu nesportaw l-enerġija żejda mingħajr ma nġegħlu lil dawn l-impjanti biex inaqqsu l-output tagħhom jew saħansitra jitfu għal kollox. B’dan il-mod nassiguraw li l-enerġija rinovabbli ma tinħeliex.
Marbuta ma’ din, ħdimna ħafna fuq l-infrastruttura għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi. Żidna b’ammont qawwi in-numru ta’ charging points filwaqt li nedejna regolamenti ġodda biex is-settur privat ikun jista’ jipparteċipa u jinvesti f’dan il-qasam li se narawh ikompli jikber fil-leġiżlatura li jmiss.
Qed inħarsu iktar fit-tul ukoll, tant li l-viżjoni tagħna hija li niddekarbonizzaw għal kollox sas-sena 2050. Għalhekk insistejt ma’ sħabi l-ministri tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea li stati żgħar bħal Malta m’għandhomx jitħallew barra mis-swieq tal-enerġija Ewropej bħal ma hu s-suq tal-idroġenu. Sħaqt li l-Unjoni Ewropea għandha tkun sensittiva lejn il-ħtiġijiet ta’ pajjiż żgħir bħal tagħna, fil-periferija tal-grid Ewropew. Kien f’dan is-sens li nnegozjajt deroga li tħalli l-proġett tal-pipeline tal-idroġenu eliġibbli għal fondi. Barra minn hekk, diġà bdejna bi studji tekniċi biex naraw minn fejn jista’ jkun fornut l-idroġenu fil-futur.
Filwaqt li d-dinja ħierġa mill-pandemija u bi sfidi ġodda fuq is-sigurta’ tal-provista, rajna l-pajjiżi Ewropej kollha jgħollu t-tariffi tal-elettriku u l-fuels. Fl-Ewropa kien hemm żieda medja ta’ 27%. Il-Partit Nazzjonalista ddikjara wkoll li kieku kien imexxi hu, kien se jgħaddi dawn l-ispejjeż fuq il-konsumaturi, għaliex skont hu, meta dawn jogħlew minn barra, jkunu għolew għal kulħadd. Aħna ma nemmnux f’din il-politika. Kien għalhekk li fl-aħħar xhur iffokajna l-ħidma tagħna biex nipproteġu lill-konsumaturi tagħna. Ma rrridux nitfgħu piż fuq il-familji. Lanqas ma rridu nissikkaw lil min iħaddem.
Solvejna wkoll anomalija fil-kontijiet li ħoloq il-Partit Nazzjonalista fl-2009. Sibna sistema fejn biha, t-tqassim tal-units isir b’mod li konsumatur ikun jista’ jġemma’ l-units irħas li ma jużax biex jiddisponi minnhom meta jkollu bżonn. Bħal f’oqsma oħra f’dan is-settur, il-PN joħloq il-problemi u aħna nsolvuhom darba għal dejjem.
Biex nilqgħu għad-domanda li se tkompli tikber mat-tkabbir ekonomiku, bil-vetturi elettriċi u bil-provista tal-elettriku lill-vapuri, jeħtieġ ukoll li jkollna sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku li tilqa’ għall-futur. Tlabt lit-tekniċi joħorġu bi pjan studjat u meqjus għas-sitt snin li ġejjin. Wara diskussjoni teknika, qbilna li nikkommettu investiment qawwi f’dan il-qasam ta’ €90 miljun ewro oħra. B’sodisfazzjon ngħid li diġa’ bdejna nimplimentaw dan il-pjan bla tnikkir.
Is-settur tal-enerġija huwa wieħed li dejjem jevolvi u kuljum irridu nħarsu lejn sfidi ġodda u nsibu s-soluzzjonijiet għalihom. Pajjiżna ma jaffordjax li jieħu riskji f’dan is-settur. It-track record juri biċ-ċar li għandna kemm il-ħila kif ukoll ir-rieda li nkomplu naħdmu b’saħħitna kollha biex nilħqu l-miri tagħna u nkomplu nġibu riżultati li jserrħu moħħ in-nies.