Cassola jirbaħ l-appell kontra l-mekkaniżmu tal-kwota tan-nisa

Cassola kien saħaq li jaqbel mal-mekkaniżmu iżda mhux mal-mod ta' kif sar f'Malta

Arnold Cassola, kandidat indipendenti fuq l-10 u l-11-il distrett jirbaħ l-appell kontra l-mekkaniżmu tal-kwota tan-nisa, li skontu kien qiegħed jiffavorixxi kandidati nisa Laburisiti u Nazzjonalisti biss. Minn naħa l-oħra b'reazzjoni għal din ir-rebħa Cassola saħaq li jinsab kuntent li saret ġustizzja. 

Cassola ppreżenta dan il-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali wara li 63 membru Parlamentari vvota favur il-mekkaniżmu, filwaqt li żewġ membri paralmentari kienu kontra. Madankollu f'Jannar li għadda l-Qorti ċaħdet it-talba tiegħu u tilef din il-kawża u kien dan li wassal għall-appell. 

Il-mekkaniżmu tal-kwota jidħol fis-seħħ biss meta wieħed mis-sessi jikseb inqas minn 40% tas-siġġijiet parlamentari. F’każ li jiġri hekk, dan il-mekkaniżmu jippermetti li jiżdiedu sa massimu ta’ 12-il siġġu addizzjonali. F’dan ix-xenarju, is-siġġijiet imorru għan-nisa.

Intant ftit xhur ilu f'intervista mal-ILLUM, Cassola ġie mistoqsi jekk jaqbilx ma' din il-mekkaniżmu. Għal dan huwa wieġeb; “naqbel perfettament.” Madankollu Cassola rrimarka li, assolutament ma jaqbilx mal-mod ta’ kif saret f’Malta, “b’ingann kbir biex isaħħu l-pożizzjoni tal-PN u l-PL. Mhux veru li l-partiti jixtiequ l-ġid lill-mara Maltija,” żied jgħid Cassola.

Cassola spjega li b’dan il-mekkaniżmu, il-kandidati Laburisti u Nazzjonalisti biss jistgħu jidħlu fil-Parlament. Żied li b’din is-sistema minn dawk it-12-il kandidat li jitilgħu bil-kwota, kandidata indipendenti titneħħa, lil hinn minn kemm ġabet voti u minflok tidħol, it-13-il kandidata.

Huwa saħaq li din mhux sistema demokratika u “dan hu mod kif ikomplu jsaħħu 25 sena ta’ duwaliżmu politiku Nazzjonalista u Laburista. Qed jippruvaw iżommu lil ħaddieħor milli jidħol fil-Parlament u huwa għalhekk li jien għandi kawża kostituzzjonali għaddejja kontriha.”

More in Elezzjoni 2022