Illum f'Jum il-Mara il-Partit Laburista, permezz tal-President Ramona Attard ħabbar sensiela ta’ proposti oħra mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista, li propju jitrattaw lill-mara.
Il-Partit Laburista qed jipproponi li titbaxxa l-età għall-iscreening tal-kanċer tas-sider tan-nisa għal 45 sena. Bħalissa huma nisa ta' 50 sena jew aktar li jistgħu jagħmlu screening għal dan it-tip ta' kanċer.
Intant il-Partit Laburista qed iwiegħed ukoll li l-pillola kontraċettiva u l-morning after pill jibdew jitqassmu b’xejn mill-ispiżeriji u ċ-ċentri tas-saħħa, filwaqt li l-intrauterine contraceptive device (IUD) - tip ta' kontraċettiv li jitpoġġa fl-utru - tibda tiġi offruta b’xejn lin-nisa kollha bħala parti mis-servizz tas-saħħa.
Il-Partit Laburista qed iwiegħed ukoll li jitqassmu b’xejn prodotti relatati mal-mestruazzjoni fl-iskejjel sabiex tinqered l-istigma li għadha assoċjata ma’ dan il-proċess naturali.
Dan ħabbritu waqt Espresso fuq ONE, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara Ramona Attard flimkien bis-sehem maal-President ta’ Nisa Laburisti Nikita Alamango. Attard elenkat għadd ta’ inizjattivi li Partit Laburista fil-Gvern jieħu jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu.
Dawn il-proposti jsegwu oħrajn li semma l-Prim Ministru, Robert Abela, it-Tnejn filgħaxija f’Marsaxlokk, fosthom:
- Il-proposta li tingħata rifużjoni ta’ 30% tal-paga fuq medda ta’ tliet snin sa massimu ta’ €6,000 lil dawk li jimpjegaw magħhom nisa ‘l fuq minn 40 sena u li kienu inattivi fis-suq tax-xogħol.
- Kumpaniji li jimpjegaw aktar minn 50 ħaddiem u jkollhom 40% tat-tmexxija eżekuttiva tagħhom nisa, jingħataw tax credit sa massimu ta’ €50,000.
Il-President tal-Partit Laburista spjegat kif dawn il-miżuri huma parti minn pakkett usa’ li se jkompli jkun spjegat fil-jiem li ġejjin.
“Sa mill-ewwel sigħat tal-kampanja elettorali bdejna nħabbru proposta, proposta u hekk se nkomplu nagħmlu fil-jiem li ġejjin. Dan hu l-uniku partit bi proposti sodi u kredibbli għall-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż,” qalet Ramona Attard.
Il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Alamango qalet li Nisa Laburista ilha snin tikkampanja favur dawn l-inizjattivi.