Il-Kamra Maltija tal-SMEs tilqa' l-impenn tal-PM dwar kont bankarju bażiku lin-negozji

Il-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji tgħid li l-piż burokartiku fl-aċċess għas-servizzi bankarji u l-konformità saru aktar serji u dejjem aktar diffiċli fl-aħħar snin

Il-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs) laqgħet l-impenn tal-PM u Mexxej Laburista Robert Abela li lbieraħ ħabbar sett ta' proposti ġodda għan-negozji, fosthom li kull negozju leġittimu jkollu dritt ta' kont bankarju bażiku. Il-Kamra tal-SMEs faħħret ukoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li kellu rimarki pożittivi dwar din il-wegħda. 

"L-impenn tal-Prim Ministru jagħti bidu għal prinċipju u pass importanti ħafna biex jiġu indirizzati l-fallimenti ta’ Malta fis-settur bankarju u biex in-negozji jingħataw appoġġ bankarju garantit. Il-Prim Ministru qed jikkonferma wkoll li l-piż tal-konformità fuq in-negozji mhux se jitneħħa iżda se jittaffa, kif suppost."

L-istess Kamra tal-SMEs qalet illi l-piż burokratiku enormi u s-sitwazzjonijiet impossibbli li qed jiffaċċjaw in-negozji fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi bankarji u l-konformità "saru aktar serji u dejjem aktar diffiċli matul dawn l-aħħar snin." 

Fl-istqarrija l-istess Kamra fakkret li hija dejjem enfasizzat it-tħassib tagħha dwar din is-sitwazzjoni u l-ħsara li kienet qed issir lin-negozji. Filwaqt li tgħid li hija qatt ma kienet kontra kontrolli u miżuri meħtieġa, "ir-regolamentazzjoni żejda u t-tgħabbija tal-SMEs bl-inabbiltà li jaħdmu u l-ħela ta’ riżorsi prezzjużi qatt ma kienet it-tweġiba, jew soluzzjoni għal kwalunkwe problema li pajjiżna kien qed jiffaċċja." 

Il-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji talbet ukoll lill-Gvern biex jintervjeni u jipproteġi lill-klijenti tal-banek kummerċjali mill-abbuż ta’ dik li sejħet il-pożizzjoni dominanti tagħhom, mit-trattament inġust u mill-impożizzjoni ta’ spejjeż imposti li mhumiex ġustifikati. "Il-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji għadha temmen li filwaqt li l-ispiża tas-servizzi bankarji qed tiżdied b’mod qawwi, il-kwalità tas-servizz mhux biss mhuwiex jiżdied bl-istess mod iżda qed tkompli tonqos fil-kwalità. Għalhekk, filwaqt li jħallsu ħafna aktar għall-funzjonijiet bankarji bażiċi, l-SMEs ħafna drabi mhumiex kuntenti ħafna bil-livell ta’ servizz li qed jingħataw mill-banek ewlenin."

More in Elezzjoni 2022