'PL fil-Gvern jgħolli l-limitu tal-benefiċċju tal-enerġija b'eluf ta' pensjonanti jiffrankaw fil-kontijiet'

Il-PM u Mexxej Laburista - f'diskors ħafna minnu mmarkat minn kritka lejn il-PN - ħabbar illi Gvern Laburista jgħolli l-limitu li permezz tiegħu persuna tgawdi mill-benefiċċju tal-enerġija

Il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela f'Ħaż Żabbar
Il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela f'Ħaż Żabbar

F'diskors immarkat minn kritika lejn il-PN u meta kien qed jitkellem quddiem folla kbira ta' attivisti f'Ħaż Żabbar il-PM u Mexxej Laburista ħabbar li jekk elett mill-ġdid fil-Gvern eluf ta' pensjonanti se jibdew isiru eliġibbli għall-benefiċċju ta' enerġija. Gvern Laburista - ħabbar Abela - jgħolli l-limitu li permezz tiegħu persuna tgawdi minn dan il-benefiċċju għal €2,500 fis-sena, li jkun ifisser roħs fil-kontijiet u rebate fuq il-gass, sa massimu ta' €310 fi bwiet in-nies. Huwa ħabbar ukoll li dawk li għandhom 75 sena u aktar u li jgħixu waħedhom se jaraw l-għotja li tingħatalhom kull sena mill-Gvern tiżdied b'€200 filwaqt li se jingħata internet mingħajr ħlas lil dawk kollha li qegħdin fuq is-supplimentari. 

Huwa qal li apparti dan il-Partit Laburista qed iwiegħed ukoll żieda ta' €15 fuq il-pensjonijiet u fakkar li Gvern Labursta diġà żied il-pensjonijiet seba' darbiet, fl-aħħar seba' baġits. Huwa fakkar ukoll li l-Partit Laburista diġà wiegħed ukoll li se jibda jagħti l-mediċini kollha mingħajr ħlas lill-pensjonanti.

"U jkun hemm min jikkritikana għax irridu nifirxu aktar ġid. U għal din il-kritika nwieġbu b'mod ċar: Aħna għalhekk inkabbru l-ekonomija ħalli min ħadem għomru jgħix f'dinjità." 

Abela mbagħad qatta' ħafna mill-ħin tiegħu jitkellem fuq il-miżura taċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa - liema ċekkijiet ifakkar li se jkun qed iqassam fil-ġranet li ġejjin - u li akkuża lill-Partit Nazzjonalista illi jneħħi u "jċaħħad" lill-poplu minnhom jekk ikun fil-Gvern. Abela, fil-fatt qal illi fil-programm elettorali l-PN imkien ma jsemmi tali rifużjonijiet tat-taxxa. 

"Dak li ħalsulu t-taxxa wara li għamel żmienu ma jħallasx taxxa jrid jeħdilkom iċ-ċekkijiet tat-taxxa!" sostna l-PM u Mexxej Laburista Abela li wiegħed illi Gvern Laburista mhux talli ma jwaqqafhomx talli jerġa' jsaħħaħhom. 

More in Elezzjoni 2022