Koppja li daqs ħames snin ilu saru ġenituri tal-ewwel wild u li tilfu lil binhom Andrea minħabba marda severa, illejla tkellmu waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Lbaurista. Minkejja din it-telfa x-xewqa tagħhom tibqa' li jerġgħu isiru ġenituri għal darb'oħra. "M'aħniex hawn biex titħassruna iżda biex inwasslu dawn l-messaġġ favur emendi fil-liġi tal-IVF," saħqet il-koppja.
L-omm tisħaq li meta binhom beda jikber, ma damux biex indunaw li Andrea ma bediex jirreaġixxi bħal tfal tal-istess età tiegħu. L-omm tirrakkonta li, "wara ħafna testijiet u taqtigħ ta' qalb saru jafu li Andrea kellu kundizzjoni rari u severa u li biha t-tfal ma jgħixux aktar minn sentejn u li kura għaliha m'hawnx."
Bi dmugħ f'għajnejhom, jgħidu li l-marda li kellu binhom hija waħda ġenetika u jisħqu li ma jridux li jerġgħu jgħaddu minn dak li għaddew minnu qabel. Madankollu jgħidu li jinsabu fiduċjużi li bl-emendi tal-IVF li, "x-xewqa li nsiru ġenituri ssir realtà."
Jgħidu iżda li din mhix biss ix-xewqa tagħhom iżda ta' koppji oħra, li "qed ibatu fis-silenzju ta' djarhom." Kien għalhekk li l-missier appella, "tkunux insensittivi fi kliemkom. Dawn iċ-ċirkostanzi m'għandhomx kulur. Min jgħid li xi ħadd qiegħed jinqeda bina għax vulnerabbli, ikun qed joffendi lilna u koppji bħalna."
Fl-aħħar il-missier temm jgħid li kieku riedu huma setgħu baqgħu d-dar, "nitkissru fuq il-passat u nimmaġinaw fuq il-futur. Iżda għażilna li niġu hawn nitkellmu u nkunu kuraġġużi".