L-Għaqda Flimkien Missirijiet Inqumu (FMI) faħħru lill-Partit Laburista tal-wegħda fil-manifest elettorali sabiex Trobbija Kondiviża tiddaħħal fil-Liġi Maltija, jekk dan il-partit jerġa jkun fil-Gvern. "Il-prospett li dil-liġi, tant mistennija, tidħol fis-seħħ fil-futur prevedibbli jagħti xaqq tama lil mijiet ta' ġenituri mgħakksa jew imbgħedin mit-tfal bla raġuni, fil-maġġoranza tagħhom - għalkemm mhux biss - missirijiet, li sa fl-aħħar se jkunu jistgħu jieħdu nifs."
It-Trobbija Kondiviża tfisser li t-tfal jitħallew u jkollhom id-dritt li jgawdu liż-żewġ ġenituri tagħhom b'mod ugwali, wara li l-koppja jisseperaw f'liema żmien - f'xi każi - t-tfal sfortunatament jispiċċaw f'nofs battalja legali bejn iż-żewġ partijiet.
FMI rringrazzjaw ukoll lill-ADPD talli kienu daħħlu Trobbija Kondiviża fil-manifest tagħhom ukoll u lill-voluntieri "li f'dal-aħħar ġimgħat użaw il-ftit ħin liberu personali tagħhom sabiex ixerrdu l-messaġġ tagħna mal-kandidati elettorali fuq id-distretti tagħhom."
L-Għaqda temmet tappella biex il-PN ukoll iwiegħed Trobbija Kondiviża fil-Liġi u jfakkru li fejn jidħlu d-drittijiet, sabilita', u interessi tat-tfal kif ukoll ġenituri li jħobbuhom ma għandux ikun hemm piki.