"Mil-lum 14 ta' Marzu sa-aħħar ta' dan ix-xahar il-ħaddiema, il-pensjonanti, l-istudenti u dawk il-persuni fuq benefiċċji soċjali se jibdew jirċievu fi djarhom iċ-ċekkijiet addizzjonal u ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa." Hekk qal il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt konferenza tal-aħbarjiet.
Huwa saħaq li, "jekk tinħass il-ħtieġa aktar tard matul din is-sena, il-Gvern ma jeskludix li jerġa' jintervjeni. Qed insegwu mill-qrib dak li qed jiġri ta' kuljum fis-swieq internazzjonali speċjalment iż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt, tal-qamħ, taċ-ċereali u ta' prodotti essenzjali oħra. Bla dubju dan kollu ser ikollu impatt fuq pajjiżna iżda dan il-Gvern huwa viċin il-poplu u jekk tinħass il-ħtieġa, se nkomplu ngħinu lin-nies."
Il-ministru spjega li permezz taċ-ċekk addizzjonali, il-pensjonanti u dawk il-persuni fuq benefiċċji soċjali se jirċievu ċekk ta’ €200, filwaqt li l-ħaddiema u dawk l-istudenti kollha li jirċievu l-istipendju se jirċievu ċekk ta’ €100. "B’kollox, dan iċ-ċekk waħdu se jkun qed iħalli €48 miljun fil-but tal-familji Maltin u Għawdxin u minnu se jgawdu 361,000 persuna".
Barra minn hekk, madwar 250,000 ħaddiem bdew jirċievu ċekk ieħor - iċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa. Dawn iċ-ċekkijiet se jkunu b’ammonti ogħla mis-snin ta’ qabel kif ġie mħabbar fil-baġit f’Ottubru li għadda. L-ogħla ammont ta’ dawn iċ-ċekkijiet se jkun €140 filwaqt li l-inqas ammont se jkun ta’ €60, bl-ogħla ammonti jingħataw lil dawk li jaqilgħu l-inqas.
"Dan mhux ċekk li jirrifondi taxxa mħallsa żejda, iżda huwa inċentiv fiskali li jippremja l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Din il-miżura waħedha tħalli fil-bwiet tal-ħaddiema €25.5 miljun," temm jgħid Caruana.
Għal aktar informazzjoni fuq dawn il-miżuri wieħed għandu jċempel freephone 153.