L-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu daqt hija magħna u l-għażla hija waħda ċara. Jew bħala poplu nagħżlu l-futur jew inkella nagħżlu l-passat. Dawn l-aħħar sentejn ma kinux żminijiet faċli la għad-dinja u lanqas għal pajjiżna. Matulhom madankollu kellna mexxej b’saħħtu li minkejja d-diffikultajiet li affaċċja, xorta rnexxielu jżomm lil Malta fuq saqajha.
F’dawn l-aħħar sentejn fil-fatt, il-Prim Ministru Robert Abela kellu jiffaċċja pandemija li ġabet magħha kriżi internazzjonali kbira b’mod speċjali fl-oqsma tas-saħħa u tal-ekonomija. Minkejja dan, Malta ħarġet bħala l-pajjiż bl-ikbar rata ta’ vaċċinazzjoni u l-ekonomija tagħna hija fost l-aktar ekonomiji li qed jirkupraw malajr fl-Ewropa.
Kif ilu juri għal diversi snin Gvern Laburista, pajjiżna għandu futur sabiħ quddiemu. F’dawn l-ewwel jiem ta’ kampanja l-Partit Laburista diġà ħabbar diversi proposti li jekk il-poplu jogħġbu jagħtih il-fiduċja għall-ħames snin li ġejjin żgur se jkomplu jgħinu sabiex ikompli jkollna kwalità ta’ ħajja aħjar u iżjed opportunitajiet għal kulħadd.
Partit Laburista fil-Gvern se jkun qiegħed joffri ambjent aħjar. Dan billi fuq perjodu ta’ seba' snin se jkun qiegħed jinvesti €700 miljun fi spazji ħodor ġodda, b’enfasi fuq il-qalba tal-ibliet u l-irħula. Gvern Laburista se jkun qiegħed iwettaq dan permezz ta’ parks, ġonna, urban green reclamation, tunnels għat-traffiku bi spazji ħodor fuqhom, proġetti ta’ urban greening u parkeġġi taħt l-art.
Għall-Gvern Laburista l-familji huma importanti u għalhekk prijorità oħra hi li jkompli jiġi inċentivat ix-xogħol. Huwa għalhekk li se jkun qiegħed inaqqas it-taxxi billi jwessa’ t-tax bands fuq l-income tax. Din se tħalli minn tal-inqas €255 aktar fis-sena fil-bwiet tal-ħaddiema u s-self-employed sa massimu ta’ €365 bejn iffrankar ta’ taxxa u rifużjoni. Bi Gvern Laburista se jkun hemm medja ta’ €300 aktar fil-but ta’ kull ħaddiem u self-employed. Il-ġenituri mhux se jħallsu taxxa fuq l-ewwel €12,200 tad-dħul tagħhom; l-ewwel €1,000 fix-xahar tad-dħul mhux se jkun intaxxat. Se jsir ukoll impenn biex it-Tax Refund jieħdu wkoll min għandu dħul medju u inqas. Dan huwa ekwivalenti għal €24 miljun oħra fis-sena fil-bwiet tan-nies. B’kollox dan ifisser €90 miljun fi bwiet il-familji. Dan biex ma nsemuux ukoll is-€70 miljun li se ninvestu fin-nies bit-Tax Refund u ċ-Ċekk Addizzjonali din is-sena.
Partit Laburista fil-Gvern irid jara wkoll li n-negozji jkomplu jimirħu. Tul dawn l-aħħar sentejn, jiġifieri fl-agħar żmien tal-pandemija, in-negozji sabu dejjem l-appoġġ tal-Gvern, u dan hekk se jerġa’ jagħmel. Fil-fatt se tkun qed tiġi mnsaqqsa l-Corporate Tax fuq l-ewwel €250,000 ta’ qliegħ minn 35% għal 25%.
Tul dawn l-aħħar snin li matulhom kellna Gvern Laburista f’pajjiżna, l-anzjani raw il-pensjoni tagħhom dejjem tiżdied. Dan biex ma nsemmux ukoll iż-żidiet fis-servizzi u fl-għotjiet. Jekk il-poplu jerġa’ jagħti fiduċja lill-Partit Laburista, kull pensjonant se jkun qed jara żieda ta’ mhux inqas minn €15 fil-ġimgħa. Żieda minima ta’ €2,340 f’leġiżlatura fil-pensjoni waħedha fl-ewwel ħames snin. Barra minn hekk, il-pensjonanti kollha se jibdew jirċievu b’xejn il-mediċini kollha fuq il-formularju tal-gvern; dan ifisser sostenn ta’ €40 miljun.
Iż-żgħażagħ huma fuq quddiem nett tal-aġenda tal-Partit Laburista. Il-Gvern irid iwettaq il-ħolma taż-żgħażagħ li jkollhom l-ewwel dar tagħhom. Għalhekk għall-ewwel 10 snin tas-self, il-Gvern se jħallas €1,000 mill-pagament tal-loan tal-first-time buyers fuq xiri tal-ewwel proprjetà residenzjali. Dan ifisser €10,000 iżjed fil-bwiet tal-first-time buyers f’10 snin. Din l-iskema se tibda tapplika għal dawk kollha li ffirmaw il-kuntratt mill-1 ta’ Jannar 2022.
Minn dan kollu toħroġ mistoqsija waħda: Se mmorru ’l quddiem bħala pajjiż, b’futur isbaħ b’Robert Abela fit-tmexxija jew inkella se nreġġgħu l-arloġġ lura b’Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech u li għadu maħkum mill-istess nies li ħatfu lill-Partit Nazzjonalista għal ħafna snin? Din hija għażla li l-poplu Malti u Għawdxi jrid jagħmel fis-26 ta’ Marzu, għażla li litteralment se tkun qiegħda tfassal it-triq għall-futur ta’ pajjiżna.