Julie Zahra | Miegħek għal Malta
Illum il-Partit Laburista, għaliex kompletament mifxul, spiċċa qiegħed jikkopja l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għaliex m’għandomx viżjoni ta’ kif joħolqu l-ġid
minn Julie Zahra
Fis-26 ta’ Marzu li ġej, għandna għażla x’nagħmlu, għażla li tiġi darba kull ħames snin. Nistgħu nagħżlu li nagħtu aktar poter lil Gvern li ilu għaxar snin jabbuża mill-poter tiegħu jew nistgħu nivvotaw għal viżjoni ġdida u ambizzjuża imfassla miegħek għal Malta.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed joffri l-aktar programm elettorali kredibbli b’viżjoni ċara sabiex terġa’ tinbena l-ekonomija u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u sabiex ħadd ma jibqa lura. U sa mill-ewwel ġurnata tal-kampanja bdejna nitkellmu dwar kif se noħolqu dan il-ġid. Il-Partit Laburista minn naħa l-oħra huwa kompletament mifxul. Fost l-oħrajn kien wiegħed li ser itejjeb l-ambjent iżda spiċċajna fgati f’pajjiżna stress, kien wiegħed xogħol għal kulħadd iżda qassam biss kuntratti lil tal-qalba u kien wiegħed sistema edukattiva moderna iżda spiċċa biex biddel Ministru kull ftit xhur. Fuq kollox kien wiegħed li kulħadd jista’ jasal bil-ħiliet tiegħu iżda fir-realta’ wassal lil min ried hu. Wegħdi li minnhom ma żamm assolutament xejn ħlief li mexa b’arroganza tant li spiċċajna mwarrba mill-komunita’ internazzjonali.
Illum il-Partit Laburista, għaliex kompletament mifxul, spiċċa qiegħed jikkopja l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għaliex m’għandomx viżjoni ta’ kif joħolqu l-ġid. Għaliex dan spiċċa Gvern li jimpurtah minnu nnifsu biss.
Il-Partit Nazzjonalista minn naħa l-oħra jemmen li Malta għandha bżonn bidla fid-direzzjoni. Nemmnu li l-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kollox. Nemmnu li jixirqilna aħjar fl-ambjent, fil-pensjonijiet, f’xogħlijiet u setturi ekonomiċi ġodda, fl-edukazzjoni u fis-saħħa. Aħna irridu nitkellmu fuq il-futur sabiħ li jista’ jinħoloq permezz ta’ ambjent san u aktar nadif, permezz ta’ spazji mifuħa u artijiet li jibqgħu għand il-Maltin. L-ambjent hu intrinsiku mal-importanza ekonomika għaliex biex noħolqu l-10 setturi ekonomiċi ġodda b’investiment ta’ biljun Ewro u nattiraw l-aħjar talent minflok 70% taż-żagħżagħ tagħna iridu jitilqu minn pajjiżna, għandna bżonn ambjent nadif u li jagħtik is-saħħa.
U l-ambjent u s-saħħa mentali jimxu id f’id flimkien. Dan hu settur fejn il-Gvern falla ghal kollox, kif jgħidu l-pazjenti stess u l-professjonisti. L-Isptar Monte Karmeli jinsab fi stat diżastruz u ma jirrispettax id-dinjita’ tal-pazjenti. Ftit ġimgħat ilu jiena sfidajt lill-Kap Eżekuttiv ta’ dan l-Isptar sabiex iddaħħal lill-ġurnalisti biex jaraw b’għajnejhom huma stess iżda sa llum għadni bla risposta, għaliex anki hawn il-mentalita’ hi li xejn x’hu xejn. Għalhekk aħna wegħdna b’mod ċar li Monte Karmeli għandu jingħalaq darba għal dejjem u nibnu sptar ġdid u modern, speċjalizzat u integrat f’Mater Dei. Dan minbarra diversi miżuri oħra mmirati sabiex intejbu l-ħajja ta’ min ikun għaddej minn xi forma ta’ problema ta’ saħħa mentali.
Fl-edukazzjoni, settur tant għal qalb il-Partit Nazzjonalista, għandna track record mill-aqwa. Il-Partit Laburista minflok ma għamel xejn ħlief biddel Ministri bħal pastizzi f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna. Il-viżjoni tagħna hi ċara hawn ukoll. Wegħdna li ser intejbu b’mod sostanzjali is-salarji tal-edukaturi, flimkien ma’ miżuri li jtejbu l-bilanċ bejn il-familja u l-professjoni tagħhom. Irridu niftħu skola sekondarja speċjalizzata ġdida kull sena sabiex inħajru iżjed tfal u żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fosthom fit-teknoloġija diġitali, id-dinja virtwali, ir-robotika u fl-arti u l-kultura fost l-oħrajn.
M’aħniex ser inħallu l-għoli tal-ħajja jkompli jħalli l-impatt devastanti li qed ikollu fuq l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjeta’ tagħna. Ma rriduhomx jibqgħu jisirquk mill-income tax u mbagħad jgħatuk nofsu lura f’ċekk id-dar qabel l-elezzjoni biex jixtruk. Mhux sew li jibqgħu jisirqu mil-kontijiet tad-dawl u jgħidulna li raħsuhom. Mhux sew li jżidu l-piżijiet lin-negozji minħabba fil-lista l-griża li daħħluna fiha. Il-Partit Laburista m’huwiex kredibbli. Flus nefaq kemm trid. Iżda ideat u viżjoni xejn.
Dan hu l-mument li nagħtu lil pajjżna paġna ġdida. Il-viżjoni tagħna hija sempliċi. Irridu pajjiż li jkun kburi u li jemmen f’niesu. Għandna viżjoni ġdida, kredibbli, ambizzjuża li tista’ tittrasforma bl-aktar mod radikali lil dan il-pajjiż. Nistgħu noffru Gvern iktar onest u trasparenti u mhux gvern maħkum mil-kriminalita’. Irridu nerġgħu inkunu kburin li aħna Maltin u Ewropej.
Int tista’ tkun parti minn din il-ħolma ukoll sabiex naraw pajjiż li jixirqilna, li noħolmu u li rridu. Aħna lesti li nagħtuk l-aqwa verżjoni tagħna nfusna għaliex qegħdin fil-politika għar-raġunijiet it-tajbin, għaliex aħna magħqudin għal Malta.
Din hija l-kampanja tiegħek. Aħna miegħek għal Malta.