Michael Farrugia | Ħames snin ta' ħidma bla waqfien!
Bdilna San Vinċenz de Paul minn residenza għal anzjani b’dipendenza għolja għal ċentru ta’ eċċellenza ta’ kura, investigazzjoni medika u riċerka
minn Michael Farrugia
L-esperjenza parlamentari minn meta ġejt elett l-ewwel darba 30 sena ilu kompliet tgħinni biex inkun kapaċi nieħu dawk id-deċizjonijiet neċessarji biex intejjeb ħajjet in-nies f’kull responsabbiltà ministerjali li b’lealtà ħdimt taħt 3 Prim Ministri.
L-ewwel responsabbiltà li kelli fl-2013 kienet dik tal-Ippjanar, meqjusa bħala waħda mill-kawzi prinċipali li tellfet l-elezzjoni lill-Gvern Nazzjonalista. Daħħalna traħħis sostanzjali fit-tariffi u ntroduċejna regolamenti ġodda u tejjibna oħrajn fl-interess tan-nies.
Fl-2014, fl-irwol tiegħi ta’ Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, introduċejt ir-riforma tal-pensjonijiet li wasslet għal zidiet sostanzjali sena wara l-oħra lill-pensjonanti apparti ż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja.
Dawn iż-żidiet sostanzjali lill-pensjonanti flimkien ma’ deċizjonijiet oħra meħuda mill-Ministeru, bħal tapering of benefits u l-Inwork Benefits u dawk meħudin mill-Gvern Laburista, b’mod speċjali t-traħħis fit-tariffi tad-dawl, wasslu biex jonqsu l-persuni fir-riskju ta’ faqar u dawk fil-faqar materjali.
Fl-istess ħin, daħħalna credits tal-kontribuzzjonijiet soċjali għall-istudenti waqt li jkomplu jistudjaw f’kull livell wara l-iskola sekondarja. Dawn il-credits iddaħħlu wkoll għal nisa li wara li jwelldu, jieħdu ħsieb lil uliedhom qabel jirritornaw fid-dinja tax-xogħol. Rizultat ta’ hekk bdew igawdu minn pensjoni sħiħa kemm ommijiet u kemm professjonisti. Sadanittant, tneħħiet it-taxxa fuq il-pensjonijiet.
Persuni b’diżabilità li ma jistgħux jidħlu jaħdmu bdew jingħataw il-paga minima.
Identifikajna setturi ta’ ħaddiema li kienu sofrew inġustizzji fosthom tal-eks korpi u tajnihom kumpens sena wara l-oħra. Fl-istess ħin il-pulizija ngħataw il-kumpens għall-overtime li kienu ħadmu u Gvern Nazzjonalista ma ħallas qatt .
Fis-settur tal-Housing flimkien mat-tim tiegħi, ikkonkludejna ftehim ta’ investiment ta’ €58 miljun mal-European Investment Bank u l-Council of Europe Bank biex jinbnew aktar minn 700 appartament, proġett li beda fuq diversi siti fl-2016.
Ilħaqna ftehim mal-Caritas biex jitwaqqaf ċentru għar-riabilitazzjoni ta’ adolexxenti bil-vizzju tad-droga u mġieba diffiċli.
Wara l-elezzjoni tal-2017, fir-rwol ta’ Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, ilħaqna l-ewwel ftehim kollettiv għall-pulizija wara li membri tal-korpi dixxiplinati tħallew isiru membri ta’ unjin.
Introduċejna assikurazzjoni għall-membri kollha tal-korpi dixxiplinati li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol. Assigurajna li l-vetturi li jinxtraw għall-korpi dixxiplinati jkunu kollha ġodda filwaqt li l-ħaddiema bdew jingħataw ilbies protettiv tal-għola kwalità.
Bdejna proġett pilota tal-pulizija fil-komunità fil-Mellieħa. Dan il-proġett kien suċċess u hu ttamat li fil-futur qrib kull belt u raħal ikollu dan is-servizz ta’ sigurtà.
Irnexxielna li mhux biss indaħħlu d-dixxiplina fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u tista’ tgħid li qridna d-droga, izda tejjibna l-kwalità tal-ikel u nħolqu aktar opportunitajiet biex il-ħabsin f’ċerti diviżjonijiet joħorġu jaħdmu jew jattendu istituti edukattivi.
Fir-rwol tiegħi ta’ Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma assigurajna li t-tariffi tal-elettriku u taċ-ċilindri tal-gass jibqgħu stabbli filwaqt li l-prezz tal-petrol u d-dijzil traħħsu b’7 ċentezmi għal kull litru.
Sadanittant tellaqna proġett ta’ €130 miljun fuq tliet snin biex titjieb il-kwalità u tissaħħaħ id-distribuzzjoni tal-ilma kif ukoll is-sistema tad-drenaġġ u n-New Water. Fl-istess ħin tkompliet il-ħidma tant importanti fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Fl-aħħar sena ġejt fdat bil-qasam tal-anzjani. Irnexxielna nagħtu t-tilqima tal-vaċċin lil kwazi kull anzjan fir-residenzi tal-anzjani u fid-djar fil-komunità lil dawk li ma jistgħux joħorġu minn darhom. Għamilna evalwazzjoni u tejjibna s-servizzi ezistenti u bdejna oħrajn ġodda biex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità.
Fl-istess ħin ħadna ħsieb biex noħorġu standards għola għad-djar tal-anzjani filwaqt li bdilna San Vinċenz de Paul minn residenza għal anzjani b’dipendenza għolja għal ċentru ta’ eċċellenza ta’ kura, investigazzjoni medika u riċerka.
Tajna spinta b’diversi servizzi għall-persuni bid-dimensja permezz tat-Telecare on the Move, l-ewwel ċentru fid-dinja ta’ respite matul il-jum u bil-lejl. Komunitajiet li jagħrfu kif jgħinu persuni bid-dimensja u ntroduċejna taħriġ online lill-qraba ta’ persuni bid-dimensja wara ftehim mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Bdejna bit-twaqqiegħ u bini mill-ġdid tal-binjiet tal-anzjani biex il-gvern jissettja l-ogħla standards f’dan is-settur.
Dawn kienu deċiżjonijiet l-aktar importanti minn ħafna oħrajn li flimkien mat-tim tiegħi ħadna fl-interess tan-nies.