Il-Ministru tas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne appella lill-unjins biex iġibu quddiem għajnejhom li meta jkun hemm azzjonijiet industrijali, minkejja li l-kwistjoni tkun bejn l-unjin partikolari u min iħaddem, "ikun hemm il-pazjenti fin-nofs". Dan qalu waqt konferenza dwar is-saħħa mentali akkumpanjat mid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef, Dott. Lydia Abela u l-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea.
Waqt din il-konferenza l-Ministru Fearne saħaq ukoll li, "sakemm ma tkunx qed tinkwetana, is-saħħa ma tantx nagħtu kasha. Il-politika tal-Partit Laburista fuq is-saħħa mhix biss fuq il-kura tal-mard iżda mod ta' kif nieħdu ħsieb aktar lil saħħitna, inkluż is-saħħa mentali." Huwa spjega li l-manifest tal-PL huwa "mimli proposti tas-saħħa" u kien hawn li fakkar uħud minn dawn il-proposti b'mod partikolari dawk li jipprevjenu l-mard.
X'proposti semma l-Ministru Fearne li jipprevjeni l-mard?
- L-Gvern ikopri parti mill-ispiża ta' ażjendi privati li jagħmlu gym fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom.
- Aktar gyms fil-miftuħ.
- Faċilitajiet sportivi fl-iskejjel, ikunu disponibbli wkoll għar-residenti tal-madwar, wara l-ħin tal-iskola.
- Jonqos l-VAT fuq l-attivitajiet sportivi.
- Screening tas-sider jibda' minn 45 sena.
- Ittestjar tal-ġenetika għal dawk li għandhom mard serju fil-familja.
Madankollu Fearne qal li sfortunatament minkejja li "tieħu ħsieb saħħtek xi darba xorta timrad." Għalhekk huwa semma wkoll proposti oħra li l-PL ħabbar nhar il-Ġimgħa. Fosthom li għal dawk il-pazjenti li jirċievu l-kura tal-kanċer, il-PL qed jipproponi li s-servizz tal-kimoterapija jiġi provdut barra mill-isptar jew fid-djar, meta jkun possibli.
Intant id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef saħaq li s-saħħa mentali hi importanti daqs dik fiżika, iżda bl-istess mod huma importanti l-isports u l-ħin liberu tat-tfal.
"Ħadt pjaċir li qamet id-diskussjoni dwar il-homework u li l-piżijiet li kultant ikunu żejda, u aħna mhux qed nivvintaw ir-rota. Hemm mudelli li nistgħu inħarsu lejhom. L-importanti hu li nassiguraw il-kwalità tal-ħajja ta' kulħadd imma b'mod speċjali tat-tfal jekk iridu soċjetà b'saħħitha, kemm illum u b'mod speċjali għada," temm jgħid Micallef.