'Irtiraw minnufih il-proposta ta' sħubija mandatorja ma' unjin'

L-imsieħba soċjali jesprimu d-diżappunt tagħhom wara li ressqu l-ilment kontra din il-proposta fl-2019 ukoll

L-Assoċjazzjoni ta' min Iħaddem (MEA), il-Kamra tal-Kummerċ għall-Intrapiżi u l-Industrija u l-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs) qed jappellaw lill-Partit Laburista biex jirtira l-proposta li kull persuna li hija mpjegata tissieħeb ma' unjin. L-imsieħba soċjali saħqet li din il-proposta mhix demokratika u hija rigressiva, "u bl-ebda mod mhu se ssaħħaħ ir-relazzjonijiet industrijali u d-djaogu soċjali f'Malta." 

Huma stqarru li huma m'humiex kontra l-isħubija tal-impjegati mal-unjins, filfatt, "ir-rata medja ta' nies imsieħba ma' unjin fil-pajjiżi membri tal-Għaqda għall-Ko-operazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) hija ta' 17% filwaqt li f'Malta r-rata hija ta' 50%". Apparti minn hekk jgħidu li l-ħsieb tagħhom dwar sħubija mandatorja kienet diġà fl-2019, meta saret laqgħa fl-2019 bejn l-imsieħba soċjali u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. "Huwa għalhekk li ninsabu sorpriżi u diżappuntati li din il-proposta tagħmel parti mill-manifest elettorali tal-PL". 

"L-impjegati għandhom ikunu liberi li jagħżlu jekk iridux isiru membri tal-unjin preferuta tagħhom. L-imsieħba soċjali qablu unanimament li kull individwu għandu d-dritt li jassoċja ruħu ma' unjin jew organizzazzjoni tal-għażla tagħhom kif ukoll li jitilqu mill-unjin jew jiddiżassoċjaw ruħhom mill-istess sħubija. Dan huwa prinċipju fundamentali demokratiku li qatt m'għandha mbgħabsa," saħqu l-imsieħba soċjali. 

Intant huma qed jirrekomandaw li lil hinn minn sħubija mandatorja, l-unjins għandhom jingħataw l-għajnuna biex jattiraw aktar membri lejhom permezz ta' inizjattivi li jibnu l-kapaċitajiet tagħhom. 

Minn naħa l-oħra huma rrimarkaw li apprezzaw u qablu bi sħiħ mal-argument tal-Ministru Clyde Caruana, waqt id-dibattitu mal-Kamra tal-Kummerċ, li hemm ħaddiema li ma jixtiequx jissieħbu ma' unjin u m'għandhomx jiġu sfurzat li jsiru membri. 

 

More in Elezzjoni 2022