Jiena intraprenditur: Għaliex għandi nivvota lilek? Abela u Grech iwieġbu
Il-PM Robert Abela jgħid li fiż-żmien tal-prova n-negozji sabuh ta' spalla u hekk jerġa' jagħmel Gvern Laburista - Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jgħid li l-Gvern ma jridx isemmi l-Lista l-Griża u jgħid li l-PN qed jipproponi l-Kunċett ESG
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech illum iffaċċjaw il-mistoqsijiet ta' Rachel Attard mill-Kamra tal-Kummerċ fit-tielet dibattitu politiku - minn erba' - bejn iż-żewġ Mexxejja politiċi. Waħda mill-mistoqsijiet ta' Attard kienet: Jiena intraprenditur: Għaliex għandi nivvota lilek?
'It-track record' - Robert Abela
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela beda billi qal,"it-track record". Huwa sostna illi l-aħħar snin wrew b'mod ċar kif Gvern Laburista jimxi man-negozji meta jkun hemm mumenti diffiċli u l-bżonn ta' deċiżjonijiet diffiċli. "Kieku morna għall-awsterità minflok l-inċentiv, ma għandniex l-aktar ekonomija fl-UE li qed tkun imbassra li se tikber, kieku ma għandniex l-inqas rata ta' qgħad fl-istorja. Kieku minflok għandna 50,000 persuna bla xogħol, kif kien imbassar."
Huwa qal li l-intraprendituri jafu l-istil tiegħu u jafu li apparti illi dejjem stmahom b'rispett huwa qatt ma kkunsidra li huwa xi skandlu li jiltaqa' ma' negozjanti, f'referenza indiretta għal akkużi li ltaqa' mal-Kuntrattur Joe Portelli u nies li kienu involuti f'permess li għadda fis-Sannat.
"Aħna konna ta' spalla magħkom meta kien hemm mumenti diffiċli u llum qed naħsdu l-frott ta' dawn id-deċiżjonijiet. Issa li qegħdin f'fażi delikata tal-irkupru, erġajna sibna sfida oħra," sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista f'referenza għall-gwerra.
Kien hawn li l-PM Abela ħabbar li l-Gvern qed jerġa' jestendi l-Wage Supplement sal-aħħar ta' April. Huwa aċċerta li l-Wage Supplememnt se tibqa' għotja u fakkar kif din kienet parti minn Patt Soċjali li kien diskuss fost l-imsieħba soċjali kollha.
Kien f'dan il-punt li Abela elenka numru ta' wegħdi tal-Partit Laburista, fosthom it-tnaqqis fil-Corporate Tax Rate, l-iffaċilitar tas-self Bankarju, aktar skemi tal-Malta Enterprise, tnaqqis ta' 150% lil dawk il-kumpaniji li jinvestu u krediti ta' taxxa lil dawk li joħolqu Green Jobs.
'Magħna jaħdem kulħadd u magħna se jaħdem kulħadd aħjar' - Bernard Grech
Intant il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li huwa ċar mill-kummenti introduttorji ta' Marisa Xuereb, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ kif ukoll tal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli, li ma hemmx kuntentizza bil-livelli ta' djalogu u lanqas bil-governanza. "Il-Prim Ministru ma semmiex il-Lista l-Griża, li għandha tkun l-prijorità assoluta biex in-negozji ma jibqgħux iħossu l-piż tal-preġudizzju li qed titgħabba biha Malta."
Grech saħaq li n-negozjanti għandhom irwol importanti, kemm ekonomiku kif ukoll soċjali u fakkar li l-PN qed imexxi 'il quddiem viżjoni ċara bil-prinċipji tal-Environmental, Social and Governance (ESG).
"Irridu politiċi li jħarsu 'l quddiem b'serjetà. Magħna jaħdem kulħadd u magħna se jaħdem kulħadd aħjar," wiegħed Grech li qal ukoll illi Gvern Nazzjonalista jrid li l-pajjiż u n-negozju joperaw b'ambjent ġust.
Apparti li akkuża lill-Prim Ministru li qed iwiegħed kontinwità tal-passat sostna li l-intraprenditur għandu jkollu moħħu mistrieħ mal-PN u fakkar f'fond li permezz tiegħu jgħin lill-importaturi sabiex tkun miġġileda l-għoli tal-ħajja, impenn favur is-settur marittimu, li jgħaddi l-abbozz ta' liġi li ressaq quddiem il-Parlament u li jitratta diversi aspetti - inkluż il-ġurnaliżmu. Huwa semma' wkoll il-proposta ta' aktar regolament stretti ta' ODZ.
Sħubija mandatorja fi trejd unjin: 'Sentejn ilu, bħalissa eżatt, konna deħlin ghal-patt soċjali - dakinhar smajt lil kulħadd'
Iż-żewġ mexxejja kienu mistoqsijin ukoll dwar il-proposta Laburista ta' sħubija mandatorja fi trejd unjin, proposta li kien għamel - oriġinarjament l-eks PM Joseph Muscat. Attard tfakkar lill-PM fi stqarrija maħruġa dalgħodu u li din il-proposta tikser diversi liġijiet u regoli.
Il-PM qal li din hija materja li għandha tkun diskussa fl-MCESD, kif ifakkar li ġew diskussi diversi materji oħrajn bħall-Patt Soċjali li wassal għal diversi miżuri biex il-pajjiż jiffaċċja l-pandemija,
"Sentejn ilu, bħalissa eżatt, konna deħlin ghal-patt soċjali - dakinhar smajt lil kulħadd u rnexxielna niġu għal pakkett storiku li wassal għall-Wage Supplememnt."
Jiġifieri mhux se twettaqha?
"Konvint li wasalna fuq affarijiet oħrajn, se naslu fuq din."
'Min joffri l-id tal-ħbiberija u min jemmen fl-oppressjoni'
Intant il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ammetta li l-PN kien fil-fatt wiegħed sħubija mandatorja f'unjin fl-aħħar dokument ta' qabel il-Baġit għalkemm qal li l-PN iddiskuta u se jkompli jiddiskuti.
"Il-ħaddiema jkunu mħarsa iva, imma mhux bi proposti komunisti iżda b'kunċetti bħall-ESG. L-għażla hija bejn xi ħadd li jħares 'il quddiem b-id tal-ħbiberija u min jemmen fl-oppressjoni."
'Huwa kruċjali li nibqgħu nilqgħu għall-prezzijiet tad-dawl u fjuwils' - Abela
Dwar l-akkuża li l-mexxejja politiċi qed iwegħdu kollox qishom Father Christmas, Abela beda jirrispondi illi dak kollu li wiegħed il-partit Laburista huwa "serju, sostenibbli u costed." Huwa qal li dan b'differenza għall-Partit Nazzjonalista li għadu ma tax spiża tal-manifest tiegħu, "l-miżuri tagħna - li huma magħmulin biex ikun hawn aktar tkabbir ekonomiku - se jiswew €3.3 biljun. Huwa qal li Gvern Laburista jara li d-dħul ikun ġej mit-tkabbir ekonomiku li qed jara li jlaħħaq l-€20 biljun, tkabbir fil-qasam tal-impjiegi li jara 50,000 post tax-xogħol ħdid fuq medda ta' snin u fondu ewropej.
Dwar il-prezzijiet tal-enerġija Abela qal illi huwa kruċjali li l-Gvern jibqa' joffri 'cushion' sabiex il-prezz tad-dawl, petrol u LNG jbqa' stabbli għax qal li jekk dan ma jsirx l-effett fuq l-irkupru ekonomiku se jkun "ħażin ħafna."
'Il-Labour ma ħoloqx settur wieħed' - Grech
Minn naħa l-oħra Grech qal li l-Partit Laburista ma ħoloqx settur ekonomiku wieħed u qal li kuntrarjament għal dan il-PN fil-Gvern ġab lejn il-pajjiż lill-farmaċewtika u l-avjazzjoni, fost oħrajn li elenka. Huwa qal li l-wegħdi tal-Partit Nazzjonalista, li fost oħrajn mhux se togħla l-VAT, huma wegħdi ċari.
Il-Kap Nazzjonalista fakkar li f'April jiskadi l-kuntratt li l-Gvern għandu għax-xiri ta' gass u qal li sa issa - minkejja li tant qrib - il-Gvern għadu biss qed jiddiskuti.
Mistoqsi jekk Gvern Nazzjonalista jagħtix garanzija li l-prezzijiet jibqgħu kif inhuma issa bħal ma qed iwiegħed Abela, Grech sostna li huwa l-obbligu tal-Gvern li jara illi n-negozji ma jġorrux piż u l-vulnerabbli jkunu protetti.