BirdLife tinsisti li għandu jerġa' jsir referendum dwar il-kaċċa
L-organizazzjoni BirdLife kienet diżappuntata bir-riżultat tal-laqgħa li seħħet mill-Kumitat ORNIS tant li ċanfret kemm il-kumitat u anke lill-Gvern
minn Marianna Calleja
BirdLife Malta tikkundanna l-Kumitat ORNIS wara li "lbieraħ intwera bl-iktar b’mod ċar li l-Kumitat ORNIS mhu xejn ħlief għodda politika f’idejn il- Gvern u xejn aktar." Dan wara li skont BirdLife, il-Kumitat injora l-prinċipji legali tad-direttivi Ewropej kif ukoll id-data u l-argumenti xjentifiċi.
Huwa għalhekk li BirdLife tikkunsidra l-passi kollha legali li tista' tieħu biex id-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern jiġu kkontestati fil-Qrati lokali. Dan filwaqt li twiegħed li se taħdem biex terġa’ tinfetaħ diskussjoni minnufih dwar referendum abrogattiv dwar il-kaċċa.
F'Malta diġà kien seħħ referendum dwar il-kaċċa lura fl-2015. Dakinhar 50.4% tal-Maltin ivvutaw favur il-kaċċa filwaqt li 49.6% ivvutaw kontra.
"Se nkunu qed nieħdu l-passi kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni Ewropea tkun taf id-dettalji kollha kif il-Prim Ministru Robert Abela lejliet elezzjoni ġenerali għamel minn kollox biex jinjora l-obbligi tal-pajjiż fil-konfront tal-ambjent naturali u l-kaċċa f’pajjizna," qalet BirdLife.
BirdLife qed tieħu dawn l-azzjonijiet fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Kumitat ORNIS li ilbieraħ ħabbar kif se jirrakkomanda staġun "qasir" tal-kaċċa fir-rebbiegħa f'April. Il-Kumitat qabel mal-proposta mressqa mir-rappreżentanti tiegħu “u se jirrakkomanda lill-Ministru li tiġi applikata deroga biex tkun permessa l-kaċċa għall-gamiema u s-summien għal perjodu qasir, taħt superviżjoni stretta u għal numri żgħar ħafna f’April 2022.”
Intant l-organizazzjoni BirdLife Malta kienet diżappuntata bir-riżultat tal-laqgħa li seħħet tant li ċanfret kemm il-kumitat u anke lill-Gvern.
"Suppost kellu jiġi diskuss mhux biss l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema imma wkoll tibdil fil-liġi fir-rigward tal-ibbalzmar. Imma ħaġa tal-iskantament kif ftit sigħat biss qabel il-laqgħa, il-Gvern ippubblika Avviż Legali li permezz tiegħu dawk li għandhom jew irċivew għasafar ibbalzmati effettivament ingħataw amnestija." Hekk saħħqu kelliema għall-BirdLife f'konferenza tal-aħbarijiet iktar kmieni illum.
Għall-organizazzjoni din l-azzjoni min-naħa tal-Kumitat ORNIS turi biċ-ċar kemm il-Kumitat huwa biss għodda politika u farsa mill-bidu sal-aħħar. Huwa għalhekk li meta ġie biex jiġi diskuss dan kollu, BirdLife Malta telqet mil-laqgħa.
BirdLife tinsisti li dak li seħħ ilbieraħ qed juri kemm id-deċiżjonijiet li jieħu dan il-Kumitat huma biss "deċiżjonijiet politiċi u jinjoraw għal kollox id-data u l-argumenti xjentifiċi." L-organizzazzjoni qalet ukoll li fil-laqgħa ma nġieb l-ebda argument validu li jiġġustifika li jinfetaħ staġun tal-kaċċa fuq il-Gamiema speċjalment meta fl-Unjoni Ewropea qed isiru sforzi kbar biex il-kaċċa fuq dan l-għasfur titwaqqaf anke fil-ħarifa.
"Fil-mument li pajjiżna jeħtieġ li jkun progressiv u jħaddan prinċipji ġusti favur l-ambjent, il-PM Robert Abela qed idawwar l-arloġġ lura bid- deċiżjonijiet li qed jieħu fuq il-politika ambjentali ta’ pajjiżna. B’iktar minn 60 sena esperjenza, u bħala l-akbar għaqda ambjentali f’Malta, aħna nwiegħdu li se niġġieldu dawn id-deċizjonijiet skandalużi b’determinazzjoni kbira fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin," temmu jgħidu BirdLife.
'Id-deċiżjoni tal-Kumitat ORNIS hi riżutat tal-perseveranza kontinwa min-naħa tal-FKNK'
Waqt konferenza tal-aħbarijiet iktar kmieni illum, Lino Farrugia, CEO tal-FKNK sostna li d-deċiżjoni li jitneħħa l-moratorju kienet riżultat ta’ perseveranza kontinwa min-naħa tal-FKNK stess.Kienu numru ta' ambjentalisti u għaqdiet ambjentali li tkellmu dwar din id-deċiżjoni, b'ħafna jgħidu li dan qed issir apposta fit-tmiem ta’ kampanja elettorali li "rat lill-lobby tal-kaċċa japprova diversi Ministri Laburisti."
Għaldaqsatant Farrugia rribatta dan, u qal li l-kwistjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa kienet fuq l-aġenda tal-kumitat mit-23 ta’ Frar iżda l-laqgħa dakinhar ġiet posposta għax iċ-chairman indispost. Huwa fakkar lill-kaċċaturi u n-nassaba li d-dħul ta’ Malta fl-UE se jhedded il-prattika.“Il-ftit li fadalna kien possibbli biss għax l-FKNK qatt ma qatgħet qalbha,” kompla jgħid.
Fuq din in-nota, ħeġġeġ lill-kaċċaturi u n-nassaba biex jingħaqdu mal-FKNK bħala membri. “Ir-riżultati ma jiġux billi tilmenta f’rokna, iżda b’xogħol iebes”.