37,000 vot għadhom lanqas biss inġabru
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, kien hemm 8,372 dokument tal-vot li ma nġabarx
More in Elezzjoni 2022
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, kien hemm 8,372 dokument tal-vot li ma nġabarx
Tmient ijiem 'l bogħod mill-elezzjoni ġenerali, jidher li 37,000 vot għadhom lanqas biss inġabru, ekwivalenti għall wieħed minn kull għaxar votanti. Intant il-Kummissarju Elettorali Joseph Camilleri jisħaq li din iċ-ċifra għandha tonqos sinjifikament hekk kif għad fadal sa' 24 ta' Marzu biex jinġabru l-voti. Minekejjda dan Camilleri saħaq li dan 37,000 huwa numru sostanzjali.
Fl-2017, l-aħħar elezzjoni ġenerali, fl-aħħar tal-proċess tal-ġbir ta' voti kien għad hemm 8,372 vot li ma nġabarx.
Fi stqarrija, l- Kummissjoni Elettorali tavża lil dawk il-persuni li isimhom jidher fir-Registru Elettorali ppubblikat fil-25 ta’ Frar 2022, suġġett għaż-żidiet, tnaqqis jew korrezzjonijiet ordnati mill-Uffiċjal Reviżur u li ma rċevewx id-dokument għall-votazzjoni tagħhom, li huma jistgħu jmorru personalment fl-għassa tal-pulizija tal-lokal u jieħdu magħhom il-karta tal-identità biex jieħdu d-dokument għall-votazzjoni tagħhom f’dawn il-ġranet u ħinijiet:
Minn nhar l-Erbgħa 16 ta’ Marzu 2022 sal-Ġimgħa 18 ta’ Marzu 2022:
Is-Sibt 19 ta’ Marzu 2022
Kif ukoll nhar il-Ħadd 20 ta’ Marzu 2022
Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar id-dokumenti jinġabru mill-għassa tal-Qawra. Fil-lokalità ta’ Marsaskala d-dokumenti jinġabru mill-Iskola Primarja tal-Gvern, San Ġwakkin. Fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Il-Birgu, Il-Fontana, Ħal Għargħur, L-Għasri, L-Iklin, Il-Kalkara, Ħal Kirkop, Ħal Lija, Il-Mellieħa, Pembroke, Ta’ Xbiex u x-Xgħajra, id-dokumenti jinġabru mill-uffiċċju tal-kunsill lokali fl-istess ġranet u ħinijiet. Kull persuna trid turi l-karta tal-identità. L-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat.
Kull votant għandu jkun żgur li jkollu d-dokument għall-votazzjoni għax mingħajru ħadd ma jkun jista’ jivvota.