Saviour Balzan | Mal-familja u l-amorini
'Jinsa Musumeci, li filwaqt li jiena naqbel li Caruana Galizia kienet kattiva u personali fi kliemha, qatt ma kellna naslu biex naraw li jiġi ppjanat il-qtil makabru tagħha. U wisq aktar li fil-kurituri ta’ Kastilja kien hemm min ma għamel xejn jew agħar minn hekk ħeba'
minn Saviour Balzan
Ilbieraħ kont fuq l-istazzjon li nafu bhala l-RTK, illum jismu 103 jew xi ħaga hekk. Kont ili ma nkun fuq dan l-istazzjoni xi 15 il-sena jew aktar, mhux għax nixtieq imma niftakar xi ħadd jgħidli li sakemm jibqa Father Joe Borg 'int ma għandekx ċans tiġi mistieden.'
Niġi kompletament ala bieb il-bubun jekk inkunx mistieden fuq l-RTK jew x’imkien ieħor illum. Dan minkejja l-fatt li meta ppubblikajt l-ewwel edizzjoni tal-gazzetta Alternattiva fl-1989, hemmhekk kont bdejt, fl-istamperija tal-gazzetta ‘il-Ħajja.’ Imma dak iż-żmien l-Alternattiva kienet xewka f’sorm il-Partit Laburista. U kien għalhekk li Joe Borg - magħruf dakinhar
bħala Father Bejrut - kien fetaħ idejh għall-gazzetta Alternattiva.
Għadda ż-żmien, Joe Borg irtira u ġejt mistieden fuq il-programm ta’ Andrew Azzopardi. Fl-istudio kien hemm tnejn minn nies oħra, Robert Musumeci u xi avukatessa li insejt isimha, b’tendenzi politiċi Nazzjonalisti.
Kont ili nistenna li jkolli ċans nitkellem ma’ Musumeci. Jekk jien apoloġista, Musumeci huwa l-ikbar apoloġista li qatt rat id-dinja. Ikompli jiddefendi lil Joseph Muscat bħallikieku ma għamel xejn ħażin, u imbagħad fl-istess nifs jiddefendi lill-avukat u kandidat tal-PN Joe Giglio u anke lid-Deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Adrian Delia. Imma joqgħod attent li ma jikkritikax avvenimenti jew inkella deċiżjonijiet politiċi.
Ma flaħtux jitkellem!
Musumeci huwa xempju ta’ persuna vojta, li mhux kapaċi jagħmel diskors politiku ta’ sustanza u joqgħod jimmasturba għal persuni li jaf personalment.
Semmejtlu l-politika ambjentali diżastruża tal-Partit Laburista, fuq il-policies tal-ippjanar li qed iwasslu biex wiċċ Malta u Għawdex jispiċċaw jinqerdu. Imma ma qal xejn.
Semmejtlu li jekk irid ifaħħar lil Adrian Delia għandu jsemmi l-kawża li għamel kontra l-Vitals. Imma ma semma xejn. Għalhekk fakkartu li ma jsemmix dan il-każ, għax jibża' li jitfa dell ikraħ fuq Muscat.
Fil-ħajja trid tkun kapaċi tagħraf bejn l-iswed u l-abjad. Musumeci ghandu diffett kbir li ma jagħrafx l-abjad mill-iswed!
Musumeci li dak iż-żmien kien il-partner ta’ Consuelo Scerri Herrera u kien wieħed mill-eluf li spiċċaw fil-mira tal-kitba kattiva u personali ta’ Daphne Caruana Galizia, u għalhekk qatt ma jista' jaħfer lin-Nazzjonalisti li kienu jinċensaw lill-blogger, anke meta tattaka lin-nies b’mod gravi. Imma li jinsa Musumeci huwa li filwaqt li jiena naqbel li Caruana Galizia kienet kattiva u personali fi kliemha, qatt ma kellna naslu biex naraw li jiġi ppjanat il-qtil makabru tagħha. U wisq inqas li fil-kurituri ta’ Kastilja kien hemm min ma għamel xejn, jew agħar minn hekk ħeba l-fatti!
Ma għandniex għalfejn inkun pwerili bħal Musumeci!
Jien bħal Musumeci ma nistax nivvota għan-Nazzjonalisti! Imma dak fuq livell personali u x’jagħmel ħaddiehor affari tiegħu. Pero' importanti li nagħtu importanza lill-bżonn li jkollna partit ieħor, alternattiv u b'saħħtu.
Inkun onest u ngħid li jiena wkoll ħa nsibha diffiċli nivvota din id-darba.
Meta nħares biss lejn il-politika ambjentali ta’ dan il-Gvern ukoll naf li ma jistax ikun li nagħmel bħal ma għamilt qabel, fl-2013 u l-2017.
Fuq ir-radju 103, ġo l-istudios sbieħ (li min jaf kemm nefqilhom flus Anton Attard lill-Knisja) erġajt semmejt il-
pastażata tad-deċiżjoni ta’ qabel l-elezzjoni biex terġa' tinfetaħ l-kaċċa għar-rebbiegħa għall-gamiem. Deċiżjoni mmirata biex tħajjar lill-kaċċaturi - l-iktar privileġġjati li hawn f’Malta - jkomplu jivvutaw għall-Labour. Meta hemm twissija uffiċċjali mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, kontra Malta.
U jien ngħid jekk il-Labour tant irid jaġevola grupp kbir ta’ nies li jieħdu pjaċir joqtlu, li jien nagħżel li ma nivvutax, mhux ser tagħmel xi differenza kbira! Mhux hekk?
Wara kollox, tal-inqas ma nkunx qed nieħu deċiżjoni mnebbħa minn interess personali, skont x'se niggwadanja personalment jien. Mur ara, ċert li biċ-ċekkijiet kollha li ħarġu - anke għal dawk li ma għandhomx bżonn - il-vot tiegħi ma jiswix karlin.
U allura jagħtuni ftit raġun jekk din id-darba minflok nivvota, noqgħod id-dar mal-familja u l-amorini!