Fl-Empire Stadium fil-Gżira fit-2 ta’ Marzu, 1945 qabel ma bdiet il-logħba ta’ ħbiberija bejn Malta u t-tim Jugoslav, Hadjuk ta' Split kien indaqq kemm l-innu nazzjonali Jugoslav u kemm il-God Save the King, mingħajr ma daqqew l-Innu Malti. Il-folla irrabjat u qamet bil-wieqfa u bdiet tkanta l-Innu Malti. Il-poeta Rużar Briffa jitkellem dwar dan il-mument fil-versi tiegħu:
Jum ir-Rebħ
U l-Kotra qamet f’daqqa – u għajtet: “Jien Maltija!
Miskin min ikasbarni, - miskin min jidħak bija!”
U l-Kotra għanniet f’daqqa – u semmgħet mal-irjieħ
L-Innu ta’ Malta tagħna, – u l-leħen kien rebbieħ,
Kien żmien li konna kolonja, mhux biss bla innu nazzjonali iżda bla ma nmexxu lilna nfusna, Kien żmien li l-ħaddiema u n-nisa ma kellhomx vot u bħala Maltin ma kellniex is-saħħa biex noħolqu l-ġid u x-xogħol. Eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin kellhom ifittxu x-xogħol f’pajjiżi oħra. Tant li sal-lum stess iżjed minn tliet kwarti tal-Maltin (76.6%) għandhom qraba jgħixu f’pajjiżi oħra.
Illum nistgħu nkantaw l-Innu ta’ Malta tagħna. Imma aktar milli nkantawh għandna ngħixuh u naħdmu biex dak li ngħidu bil-kliem nagħmluh bil-fatti.
L-innu Malti sabiħ. Kliemu jfisser ħafna. Kulma fih 38 kelma. L-aħħar seba’ kelmiet tiegħu huma qawwijin ħafna. Huma dwar li nagħtu s-“Saħħa lill-ħaddiem”. Propju għalhekk twieled il-Partit Laburista ftit aktar minn seklu ilu. Biex jagħti s-saħħa lill-ħaddiem l-Partit Laburista ġablu d-dritt tal-vot għax ma kellux u l-ħaddiema bla vot ma kinux ikkalkulati.
Bil-kisba tal-vot il-ħaddiema setgħu jivvotaw favur politika fejn il-poplu Malti jikseb id-dritt li jmexxi lilu nnifsu biex joħloq il-ġid u x-xogħol. Seta’ jivvota favur il-Partit Laburista biex iqassam il-ġid u jtejjeb il-ħajja tal-poplu Malti bis-servizzi soċjali, bis-sistema pubblika tas-saħħa u tal-edukazzjoni.
L-aħħar vers tal-Innu Malti jgħid: “Seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem.”
Il-Maltin iridu politika favur l-għaqda nazzjonali, favur Malta, iridu politiċi onesti, kapaċi u li jpoġġu l-ġid tal-poplu qabel l-interessi personali tagħhom.
Urejna li kapaċi nħarsu l-ħajja, is-saħħa u l-għixien tal-poplu tagħna mill-effetti koroh tal-pandemija. Hekk ukoll aħna kapaċi, bl-esperjenza u l-għaqal tagħna li nbaħħru fil-maltemp, inħarsu lill-familji u lil pajjiżna mill-effetti koroħ tal-gwerra fl-Ukrajina
Il-Maltin iriduna wkoll naħdmu għall-paċi. Marzu, huwa wkoll ix-xahar li fih nhar il-31 ta’ Marzu 1979 għalaqna l-bażijiet militari f’pajjiżna u ħlifna li ma nħallux lill-gżejjer tagħna jintużaw fil-gwerer kontra ħaddiehor. Aħna kontra l-gwerer. Għalhekk aħna newtrali biex ma nidħlux f’alleanzi militari ta’ gwerer kontra oħrajn. Żewġ terzi tal-Maltin iriduna nkomplu nkunu newtrali.
80 fil-mija tal-Maltin iriduna nkomplu naħdmu għall-paċi, għas-sliem fil-Mediterran. U hekk se nkomplu nagħmlu, fost il-ġirien tagħna u fid-dinja kollha jekk mis-sena d-dieħla nkunu fil-Kunsill tas-Sigurta` tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Bla prużunzjoni, b’dinjità, skont kemm nifilħu, bla naraw kbir imma bla ma narmu lilna nfusna, se nkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna ta’ paċi flok gwerra, ta’ tfittxija għall-ftehim flok ġlied. Ta’ ħarsien tal-prinċipji tas-sovrantità, tal-indipendenza nazzjonali u ta’ soluzzjonijiet paċifiċi għat-tilwim.
Imma biex nagħmlu dan: biex inkunu nistgħu naħdmu għall-ġustizzja soċjali, għall-għaqda nazzjonali u għas-sliem hemm bżonn li Marzu ta’ din is-sena, nhar is-26 ta’ Marzu nsaħħuh bħala x-xahar tal-għaqda nazzjonali u tal-paċi billi nivvotaw għall-Partit Laburista. Huwa d-dmir tagħna lkoll kemm aħna li d-dritt li kisbulna ta’ qabilna, id-dritt tal-vot, inħaddmuh, noħorġu nivvotaw għal Malta tagħna: biex nagħtu “is-saħħa ’l-haddiem” u għall-għaqda fil-Maltin u ghas-sliem.